Fis-sitt seduta tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, xehed iċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Artijiet, John Vassallo.
L-eks Imħallef u Ombudsman Joseph Zammit McKeon staqsa lil Dr Vassallo jekk l-awtorità tarax x’ikun għaddej fuq l-artijiet f’pajjiżna, madankollu x-xhud staqsa li dan hu umanament impossibbli.
Fil-fatt, spjega kif l-awtorità tiskrutinizza esproprjazzjonijiet u transfers ta’ ’l fuq minn €400,000.
Tenna wkoll li l-awtorità ma kinitx involuta fit-trasferiment tal-art f’Kordin għal għand l-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri.
Xehed ukoll Jean Pierre Attard, li hu ċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ INDIS Malta, hekk kif spjega li din tamministra l-art tal-Gvern u kkonferma li l-art f’Kordin hi amministrata mill-entità li hu responsabbli tagħha.
Attard spjega wkoll il-proċess li bih wieħed jista’ japplika għall-art industrijali. Qal kif kollox jibda mal-Malta Enterprise, li toħroġ il-kuntratt. Fix-xhieda tiegħu hu ppreżenta wkoll il-kuntratt tal-allokazzjoni tal-art lil Buhagiar u Schembri, fost oħrajn.
Mistoqsi jekk qatt qajjimx mistoqsijiet fuq dan il-kuntratt, Attard wieġeb fl-affermattiv, filwaqt li spjega kif dakinhar tal-inċident hu mar mill-ewwel fuq il-post fejn ġie mistoqsi anke mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jgħin jassisti billi jipprovdi l-pjanti tat-terran ħalli jitħaffef il-proċess ta’ salvataġġ.
Tenna wkoll kif il-jum tal-inċident kien l-agħar wieħed f’ħajtu u li qed jagħmel ħiltu kollha biex is-sitwazzjoni titjieb.
Dwar is-sit f’Kordin, Attard spjega li s-sit jinsab taħt il-kontroll tal-INDIS, madankollu xorta jappartjeni lill-iżviluppaturi. Spjega wkoll li hu ra d-dokumentazzjoni kollha b’rabta mat-trasferiment tal-art u ma kien hemm xejn suspettuż.
Attard kompla jgħid li bħalissa hemm madwar 50 sit tal-kostruzzjoni fuq art trasferita mill-INDIS, waqt li qal li l-entità mhijiex responsabbli mill-inforzar.
Mistoqsi jekk saritx laqgħa tal-bord wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, ix-xhud wieġeb li l-inċident ġie diskuss, madankollu mhux f’laqgħa.
L-avukat tal-familja Sofia staqsiet kif il-kuntratt ma ġiex null meta x-xogħlijiet ma tlestewx sal-2021 kif kellu jsir. Madankollu Attard spjega li dik il-klawsola fil-kuntratt ma taħdimx bħala giljottina fuq min jokkupa l-art, speċjalment jekk hemm il-permessi approvati u x-xogħlijiet għaddejjin.
Xehed ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Oliver Magro, li spejga kif meta seħħ l-inċident hu kien ilu biss ġurnata fil-kariga.
Tenna kif malli joħroġ il-permess mill-awtorità, ir-responsabbiltà li l-kundizzjonijiet kollha jiġu segwiti taqa’ fuq il-perit. Sostna wkoll li l-Awtorità tal-Ippjanar qatt ma ġiet notifikata bi kwistjonijiet jew intoppi fis-sit f’Kordin.