L-aġenzija nazzjonali fil-qasam tad-dipendenzi, Sedqa, irrikonoxxiet li, fir-riforma proposta għall-Qrati tad-Droga, hemm diversi punti pożittivi li għandhom iservu biex individwi bi problemi ġenwini ta’ dipendenza jkunu jistgħu jiġu assistiti minn binarji propensi lejn ir-rijabilitazzjoni tagħhom.
Dan intqal fi stqarrija fejn l-aġenzija sostniet li ġiet ikkonsultata fi stadju preliminari qabel it-tnedija tad-dokument għall-konsultazzjoni pubblika maħruġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Ingħad li l-aġenzija għaddiet il-proposti preliminari tagħha f’dan l-istadju u issa se tkun qed tgħaddi formalment il-pożizzjoni tagħha anke fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Fuq dak li jirrigwarda l-pieni relatati ma’ traffikar, Sedqa temmen li, kif qed jiġi propost, dak kollu li jikkostitwixxi għal traffikar, mingħajr evidenza ċara li l-individwu għandu problema ta’ droga, jibqa’ jitqies bħala tali bil-konsegwenzi kollha legali konnessi.
Min-naħa l-oħra, l-aġenzija temmen ukoll li l-ammonti indikattivi, kif qed ikunu proposti bħalissa għandhom ikunu inqas minn dak propost ħalli jintlaħaq bilanċ bejn flessibilità ġudizzjarja f’każi ġenwini u bejn id soda għal min jipprova jdur mas-sistema bi problema ta’ droga.
Sedqa temmet tgħid li hi tikkommetti ruħha biex tibqa’ tikkollabora u toffri l-għarfien speċjalizzat tagħha f’dan is-settur, bi proposti bbażati fuq riċerka, evidenza xjentifika u esperjenzi ta’ dawk li użaw is-servizzi tagħha li f’xi punt jew ieħor f’ħajjithom iffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ dipendenza u r-realtajiet soċjali li dawn iġibu magħhom.
Sadanittant il-Kamra tal-Avukati ppubblikat il-pożizzjoni tagħha dwar l-istess riforma proposta.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati nnotat b’sodisfazzjon li t-tnedija tal-proċess konsultattiv għandu jwassal biex il-ġustizzja mal-vittmi tad-droga tkun aktar effettiva, waqt li ddikjarat ruħha fi qbil fil-prinċipju mar-riforma.
Dwar l-ammont ta’ droga proposta biex persuna tikkwalifika li tmur quddiem il-Bord Riabilitattiv, il-Kamra tal-Avukati qalet li taqbel maż-żieda proposta u dan mhux biss għax hu ġust u mhux se jaffettwa l-akkużi li jistgħu jitressqu kontra kull akkużat, iżda wkoll għax se tgħin biex jitnaqqsu l-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali.
Iż-żewġ fehmiet ukoll jikkontradixxu l-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni, bil-Kap Bernard Grech jiddikjara li l-White Paper għandha tkun irtirata. Dan wara li pprova jagħti l-impressjoni qarrieqa li, bir-riforma proposta għall-konsultazzjoni pubblika, 500 pillola ecstacy se jkunu meqjusa għal skop personali.
Dan giddbitu anke t-Times of Malta permezz ta’ fact checker tagħha fil-ħarġa tal-Erbgħa.