Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li għad ma hemmx deċiżjoni fil-konfront tas-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar, Ann Marie Muscat Fenech Adami.
Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, aktar minn seba xhur wara li skatta proċess fil-konfront tas-Sindku Naxxarija mill-Kummissjoni Etika u Dixxiplina, li kompla jikkonferma l-firdiet interni fil-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Hekk kif jiġi konkluż il-proċess statutorju tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-proċess.”
Grech qal dan ftit jiem wara li l-istess Sindku lmentat li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma kien kellimha dwar is-sitwazzjoni tagħha filwaqt li ħassitha dispjaċuta ħafna dwar dan.
“Ġurnalist: Jiddispjaċik li daħħluk f’din is-sitwazzjoni u qatt ma reġgħu tkellmu dwarha?
Anne Marie Muscat Fenech Adami: Iva, ħafna.”
“Jien qiegħda f’pożizzjoni li għadni le, ma nafx”
F’Diċembru tal-2021 il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha talab lil Ann Marie Muscat Fenech Adami tirriżenja minn Sindku minħabba dak li ssejjaħ kunflitt ta’ interess mhux dikjarat. Dan l-allegat kunflitt ta’ interess kien jinvolvi proġett ta’ żewġ torrijiet ta’ 10 sulari u 8 sulari rispettivament f’dak li kien il-parkeġġ tat-trade fair fin-Naxxar.
Madankollu, Muscat Fenech Adami, b’reazzjoni, akkużat lill-Kap Bernard Grech b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti u sfidatu billi baqgħet iżżomm il-pożizzjoni tagħha.
Sadattant, fuq struzzjonijiet ta’ Bernard Grech innifsu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, qal li s-Sindku tan-Naxxar kienet se tittella’ quddiem il-Kummissjoni għall-Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista.
Madankollu, kwalunkwe żvilupp dwar dan il-proċess, li issa dieħel fit-tmien xahar tiegħu, baqa’ mistur fid-Dar Ċentrali.
Dan minkejja rapporti fil-midja indipendenti li l-Kummissjoni interna tal-Partit Nazzjonalista ma sabet l-ebda ħtija f’Muscat Fenech Adami, saħansitra qabel il-kampanja tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Sorsi ta’ ONE News fiid-Dar Ċentrali sostnew li r-raġuni għan-nuqqas ta’ żviluppi fuq din il-materja hija l-biża’ li l-Kap jispiċċa imbarazzat wara li, skond rapporti, kummissjoni fi ħdan il-Partit tiegħu stess ma sabitx ħtija fil-persuna li huwa stess kien talabha tirriżenja.