Christopher Scerri ta’ 34 sena ġie kkundannat seba’ xhur ħabs u mmultat erba’ mitt ewro wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ serq minn dar ta’ anzjana f’Ħaż-Żebbuġ. Il-każ seħħ f’Settembru ta’ erba’ snin ilu meta l-anzjana kienet għall-quddies.
Scerri nstab ħati wkoll li għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor u li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ separat li seħħ f’Settembru tal-2010.
Fil-qorti ngħad li l-Pulizija arrestaw lil Scerri fid-dar tal-anzjana flimkien mal-kompliċi tiegħu wara li l-Pulizija ġiet mgħarrfa li kien hemm żewġt irġiel jilagħbu mal-bieb.
Ingħad li meta l-Pulizija waslu fuq il-post, raw il-bieb kollu daqqiet friski iżda imsakkar. Qalu li wara li taw daqqa ta’ sieq lill-bieb u daħlu ġewwal sabu lill-akkużat b’turnavit f’idu u lill-kompliċi li għaddej bi proċeduri separati, ineħħi l-ingwanti.
L-anzjanta qalet li kienet għadha kemm marret il-quddies u li fid-dar kellha l-pensjoni ta’ €500 u madwar €7,000 f’deheb li kienu msielet, ċpiepet u ġiżirajjen.
Madankollu meta xehdet fl-inkjesta, hija qalet li kellha l-pensjoni u ma sabet xejn nieqes. Dan minkejja li għamlet referenza għad-deheb iżda ma tat ebda diskrezzjoni tiegħu jew valur.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li kien hemm provi biżżejjed biex issib lill-akkużat ħati tal-attentat ta’ serqa u li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu huwa ma nstabx ħati dwar il-valur minħabba nuqqas ta’ informazzjoni mill-vittma tas-serqa.