Raġel li pprova jaggredixxi mara fid-dawl tax-xemx it-Tnejn wara nofsinhar ġie kkundannat seba’ xhur ħabs.
Ir-raġel Beyene Fessahatsion Weldeabzghi, Eritrean ta’ sitta u għoxrin sena u jgħix f’xelter ta’ emerġenza f’Birkirkara tressaq il-qorti mixli li aggredixxa mara.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet kif ir-raġel pprova jaggredixxi lil mara għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar fi triq il-kbira f’San Ġiljan.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti poġġiet lil Eritrean taħt ordni ta’ trattament għaż-żmien li se jagħmel il-ħabs u spjegatlu li se jingħata l-għajnuna meħtieġa minn ħaddiema soċjali biex jegħleb il-problemi personali tiegħu.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin għall-vittma u saħqet mal-akkużat biex ma jersaqx lejn il-mara bl-ebda mod. Hija wissietu wkoll bil-konsegwenzi f’każ li jikser l-ordni tal-qorti.
Din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel xellef difru mal-ġustizzja. F’Lulju ta’ tliet snin ilu, ir-raġel kien instab ħati li kisser mirja ta’ żewġ karozzi pparkjati fil-Gżira waqt li kien fis-sakra.