Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta weħel seba’ xhur ħabs talli flimkien ma’ persuna oħra heddew mara u raġel u kkaġunaw ġrieħi gravi fuq ir-raġel.
Azzopardi ta’ 32 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih madanakollu meta l-Pulizija ressqet il-provi tagħha, l-imputat ammetta għal dawn l-akkużi.
Minkejja l-ammissjoni tiegħu kien innotat mill-Maġistrat Nadine Lia li ma ddispjaċihx għal għemilu, tant li ma għamilx tajjeb għal ħsara li kkaġuna lill-vittma u lanqas talab apoloġija.
Id-Difiża talbet għal sentenza sospiża, liema talba kienet maqbula mill-prosekuzzjoni, iżda irrifjutata mill-Maġistrat Lia.
Dan għaliex kien hemm attentat sabiex il-vittma jitkaxkar f’karozza biex jissawwat imma l-vittma rnexxielu jaħrab minn fuq il-post.
Il-vittma sofra ksur fl-għadam li kienu gravi kawża tax-xebgħa li qala’ bil-konsegwenza li kellu jiġi rikoverat fl-isptar.
Il-Maġistrat wissiet lil Azzopardi biex ma jersaqx lejn iż-żewġ vittmi għat-tliet snin li ġejjin.