Il-Kummissjoni Festa Madonna ta’ Fatima ta’ Tal-Pietà – Gwardamanġa din is-sena qegħda ttella’ xejn inqas minn seba’ wirjiet tal-passjoni ġewwa s-Sala Yvonne li tiġi taħt iz-zuntier tal-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima, Pietà – Gwardamanġa. L-esebizzjoni kollha ġġib l-isem “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” u tinfetaħ mill-Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona nhar il-Ħamis 11 ta’ April u tibqa’ miftuħa sal-20 tax-xahar.
Fil-wirja wieħed jista’ jara sett ta’ statwi żgħar maħdumin lokalment minn Ġorġ Buttiġieġ, tal-Bambini minn Ħal Lija kif ukoll żewġ settijiet ta’ statwi oħrajn maħdumin Spanja. Hemm ukoll għall-wiri minjatura ta’ knisja li fiha sett statwi oħra, li wkoll huma maħdumin Malta.
Parti minn din il-wirja hija kollezzjoni ta’ kopji ta’ pitturi tat-12-il Appostlu. Dawn huma kopji kbar ta’ pitturi ta’ artisti famużi bħal Guido Reni, Murillo, Rubens, Van Dyck u oħrajn. Dawn il-pitturi kollha jinsabu f’mużewijiet magħrufin madwar id-dinja. Ir-riproduzzjonijiet huma ta’ daqs kbir u ħdejhom wieħed jista’ jsib tagħrif dwar min pittirhom u fejn jinsabu.
Insibu wkoll sepulkru artistiku maħdum bi proprozjon għall-post.
Il-qofol ta’ din il-wirja hija l-mejda tal-Appostli. Din ma hijiex mejda bħalma aħna mdorrijin naraw għaliex hija mejda fuq stil Barokk. Fiha naraw lil Kristu liebes ta’ saċerdot għaliex f’din l-aħħar ikla twaqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija u s-Saċerdozju. L-appostli ma narawhomx bi lbies fqajjar imma bi lbies rikk meħjut minn bellus, damask u satin imsebbaħ b’għadd ta’ glalen. Fuq il-mejda wieħed ma jarax fuħħar imma fidda. Meta wieħed iżur din il-mejda dak li jkun għandu jżomm quddiem għajnejh mhux l-istil tradizzjonali li aħna mdorrijin bih imma dak Barokk li naraw fil-presepju Naplitan u fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira fi Spanja. L-appostli li naraw f’din il-wirja huma qies ta’ bniedem u nħadmu mill-artisti Andrew Bugeja u Neville Attard.
Biex tagħlaq din il-wirja wieħed isib statwa kbira ta’ Kristu Rxoxt li wkoll hija differenti minn kif soltu naraw lil Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Din inħadmet minn Neville Attard u tlibbset ilbies Barokk biex tkun ukoll taqbel mal-mejda tal-appostli.
Il-wirja tkun miftuħa kuljum f’dawn il-ħinijiet:
Ftuħ: il-Ħamis 11 ta’ April fis-7.30pm
12 ta’ April mill-5.00pm sa tard wara l-purċissjoni tad-Duluri
13 u 14 ta’ April 9.00am – 12.00pm u 5.00pm – 9.30pm
15, 16 u 17 ta’ April 5.00pm – 9.30pm
18, 19 u 20 ta’ April 9.00am – 12.00pm u 5.00pm – 10.00pm