Seba’ turisti mill-Korea ta’ Isfel mietu u minn tal-inqas 19=il persuna oħra huma nieqsa wara li dgħajsa inqalbet meta ħabtet ma’ bastiment ieħor bil-konsegwenza li bdiet tgħereq fix-xmara Danubju fil-kapitali tal-Ungerija, Budapest.
30 turist u tliet gwidi kif ukoll żewġ membri tal-ekwipaġġ Ungariżi kienu fuq id-dgħajsa waqt il-ħin tal-inċident. L-inċident seħħ fl-10:00pm. Seba’ persuni ġew salvati filwaqt li l-operazzjoni għat-tfittxija għadha għadejja minkejja x-xita qawwija. Ix-xita wassalet biex ikun hemm kurrenti qawwija fix-xmara li hija attrazzjoni popolari fost ħafna turisti.Id-dgħajsa li għerqet ħdejn il-bini tal-parlament ġiet identifikata bħala Hableany jew Mermaid.
Il-Gvern Korean se jibgħat tim ta’ uffiċjali fl-Ungerija filwaqt li se jingħata servizz ta’ counselling lill-familji tal-vittmi. It-timijiet tas-salvataġġ qalu li hekk kif jgħaddi aktar ħin, il-kurrenti qawwija jnaqqsu l-possibilitajiet li jsibu aktar nies ħajjin.