Minn tal-anqas seba’ persuni tilfu ħajjithom fl-Alpi minħabba li fl-aħħar jiem l-inħawi kienu f’riskju ta’ valanga tas-silġ minħabba l-ammont sostanzjali ta’ borra li niżlet tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Żewġ valangi qatlu żewġ turisti Ġermaniżi fil-muntanji ta’ Vorarlberg, l-Awstrija, filwaqt li turist ieħor inqatel fl-inħawi tal-muntanji ta’ Salżburgu, l-Awstrija.
Turist ieħor miet fil-Bavarja wara li waqgħet siġra fuqu viċin Bad Tölz, filwaqt li valanga tas-silġ oħra qaltlet turista fil-muntajni magħrufa bħala Teisenberg fil-Bavarja. Żewġ persuni oħra nqatlu fl-Alpi tal-Italja.
Filwaqt li l-iġsma bla ħajja ta’ dawn il-persuni kollha nstabu, l-Awtoritajiet tas-Sigurtà fl-inħawi għadhom għaddejjin bi tfixxija fl-inħawi hekk kif diversi persuni ġew irrappurtati nieqsa. Turisti huma mwissija biex jevitaw il-muntaji u jevitaw li jipprattikaw xi sports relatati ma’ dawn l-inħawi. Diversi toroq li jagħtu għall-Alpi ingħalqu minħabba riskju ta’ xi valanga tas-silġ oħra.