Li ninkludik mhux li nilqgħek fl-ispazju tiegħi imma flimkien noħolqu spazju ġdid għalina t-tnejn.
Dan kien kliem Margaret White, youth worker fi ħdan l-organizzazzjoni mhux governattiva PRISMS li għal dawn l-aħħar tliet snin ħadmet qatigħ biex persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu jkollhom aċċess għal spazji privati u pubbliċi mingħajr xkiel.
Waqt it-tnedija ta’ Autism Friendly Spaces, White ħeġġet lil dawk li huma responsabbli minn spazji pubbliċi u privati sabiex jagħmlu pass ’il quddiem biex verament ikunu inklussivi.
White tenniet, “Qed noħolqu spazji pubbliċi u privati biex ikunu aktar autism friendly jiġifieri li kemm jista’ jkun ma jkunx hemm overwhelming ta’ sensi jiġifieri d-dawl jista’ jitbaxxa, ċertu kaos jitnaqqas u hekk jista’ jkun post aktar inklussiv.”
Fil-fatt waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett ġew akkreditati seba’ stabbilimenti u entitajiet varji madwar pajjiżna li qed jitqiesu bħala ‘autism friendly spaces’.
Fost l-entitatjiet kien hemm Heritage Malta.
Ciantar qalet, “Flimkien ma’ PRISMS ħloqna sensory maps u social stories li lil dawn in-nies jippreparawhom qabel ma jiġu fil-mużewijiet għal dak li ħa jiltaqgħu miegħu. Per eżempju fejn hemm swali aktar imdawlin jew għandhom dawl li jista’ jdejjaqhom, fejn hemm audio-visuals fejn hemm is-sound forsi aktar għoli. Li għamilna wkoll hu li għal tliet sigħat fil-ġimgħa kemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u kemm il-Mużew Nazzjonali tal-istorja naturali ħa jkun autism friendly u f’dawk it-tliet sigħat id-dwal ħa jkunu aktar baxxi, is-sound tal-audio-visuals ħa jkun baxx ħafna jew mitfi.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, li qalet kif dan il-proġett huwa xempju ta’ kif l-istrateġija nazzjonali tal-awtiżmu, li tnediet f’Novembru li għadda, tieħu l-ħajja.
Farrugia Portelli sostniet, “Qed naraw li jkun hawn spazji li huma safe għal persuni bl-awtiżmu fejn persuna li għandha l-awtiżmu ma tkunx eskluża mill-kultura, arti, postijiet ta’ divertiment u dan huwa pass tanġibbli ta’ kif aħna nistgħu nagħmlu din id-differenza.”
Dan il-proġett tal-organizzazzjoni PRISMS seta’ jsir realtà permezz ta’ għajnuna mogħtija minn fondi Ewropej.