Il-Qorti tal-Appell qablet mal-ewwel Qorti f’sentenza ta’ ħabs li tat tliet snin ilu fil-konfront ta’ raġel li kien instab ħati t’akkużi ta’ stupru iżda li appella mis-sentenza.
Il-każ seħħ f’Diċembru tal-elfejn u ħamsa f’Ħaż-Żabbar, bit-tifla tirrakkonta li l-ħabib tal-familja kien ħadha waħedha f’garaxx u stupraha f’karozza.
L-akkużat appella mis-sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li argumenta li t-tifla ta’ ħdax –il sena tat verżjonijiet kunfliġenti.
Il-Qorti sostniet li l-fatt li t-tifla rat id-demm jikkonferma dak li rrakkontat, u dwar dan m’għandha l-ebda dubju.
Fakkret ukoll fix-xhieda tat-Tabib Joseph Tonna, li għalkemm qam l-argument li mhuwhiex ġinekologu, kien qal li t-tifla kellha xi tiċrit fil-parti tagħha, li urew li kien hemm forma ta’ penetrazzjoni.
Il-Qorti rrimarkat li l-akkużat kien jaf x’inhu jagħmel u kollox juri li għamel dak li kellu ppjanat.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell qablet li r-raġel, li ismu ma xxandarx biex tkun protetta l-identità tat-tifla, jinżamm seba’ snin fis-Sezzjoni Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.