Żewġ persuni weħlu seba’ snin ħabs wara li mexxew burdell u taw l-impressjoni li għandhom negozju li joffri l-massaġġi lin-nies.
Winston Joseph Gera ta’ 48 sena minn San Ġiljan u s-sieħba tiegħu, Ċiniża, Zhang Tianxia weħlu l-ħabs wara li nstabu ħatja li ttraffikaw tliet nisa għal skop ta’ prostituzzjoni.
Il-vittmi kienu qalu li kienu ħallsu kważi tmien t’elef ewro biex ġew f’pajjiżna u spiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet miżeri.
In-nisa kienu mġiegħla jwettqu atti sesswali fuq il-klijenti u mhedda li kemm il-darba ma jagħmlux dan, jispiċċaw mingħajr permess tax-xogħol u b’hekk jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.
Huma kienu jaħdmu mid-disgħa ta’ filgħodu sal-għaxra ta’ bil-lejl u fi tmiem il-ġimgħa saħansitra sa nofsi il-lejl.
Huma kienu jaqilgħu ħames ewro fuq kull ħamsa u għoxrin ewro.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech uriet stmerrija għall-atti li twettqu mill-koppja u qalet kif dawn kienu krudili man-nisa li ttraffikaw u abbużaw minnhom.