Konrad Dimech ta’ 47 sena minn San Pawl il-Baħar, intbagħat seba’ snin ħabs wara li ġabar ħamest elef u sitt mija u ħamsin ewro b’depożiti fuq kirjiet ta’ appartamenti li ma kinux tiegħu.
Huwa kien akkużat b’total ta’ 23 reat li jinkludu bosta akkużi relatati ma’ miżapproprazzjoni ta’ fondi u frodi. Il-vittmi li huma kollha barranin belgħu l-lixka tiegħu wara li raw reklami fuq is-sit Maltapark u ħallsuh depożiti ta’ bejn €250 u €1,100. Madankollu, meta kien jasal iż-żmien biex jidħlu joqogħdu fl-appartamenti kienu jsibuhom diġà okkupati.
Fis-sentenza il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-anne Farrugia innutat li huwa kien ammetta f’Settembru ta’ din is-sena wara li kien imressaq l-ewwel darba f’April tas-sena l-oħra. Il-piena kienet miżjuda b’żewġ gradi minħabba li r-reat kien wieħed kontinwu u b’hekk sar fuq medda ta’ żmien. Huwa kellu wkoll sentenza sospiża ta’ sentejn li issa ser ikollu jiskonta b’total ta’ seba’ snin priġunerija.