Tħabbru seba’ proposti maħsuba biex iħarsu u jtejbu d-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna.
Fost l-oħrajn qed jiġi propost programm nazzjonali ta’ tiswija tal-qtates, li s-sidien ikunu responsabbli tal-annimali tagħhom, u li l-micro chipping isir obbligatorju biex issir registrazzjoni tal-klieb jew qtates.
Dawn il-proposti se jħarsu wkoll anke annimali mhux domestiċi bħal dawk tal-irziezet u annimali slavaġġ.
Se tkun qed tingħata prijorità, it-tneħħija immedjata ta’ veleni perikolużi u l-ħtieġa neċessarja għal santwarju ġdid.
Dawn id-dettalji ingħataw mill-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt laqgħa mal-membri l-ġodda tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali.
“Irridu nħarsu l’quddiem naħdmu fuq dawn il-prijoritajiet speċjalment iċ-ċentru tar-rehoming biex b’hekk aħna nagħtu dan is-sinjal illi aħna mill-annimali tagħna jimpurtana.”
Il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali għandu l-aċċess u l-opportunità li jsemma’ leħnu u jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri relatati fl-aħjar interess tal-annimali.
Iċ-Chairperson ta’ dan il-Kunsilll, Romina Frendo tenniet li tinsab ħerqana għall-futur tal-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.
“Nixtiequ li npoġġu lil Malta fuq il-mappa fix-xena internazzjonali biex Malta stess tkun leader f’dan il-qasam ukoll u nġibu d-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali f’Malta iżjed l’quddiem. Xi ħaġa li qatt ma seħħet qabel.”
Il-Ministeru diġà beda jieħu azzjoni b’rabta ma’ dawn is-seba’ prijoritajiet u assigura lill-Kunsill li beħsiebu jżomm dan id-djalogu miftuħ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet komuni.