Seba’ proġetti ser jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej mit-Technical Support Instrument (TSI) sabiex jiġu żviluppati policies u riformi flimkien ma’ capacity building fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi semma li s-seba’ proġetti li ntgħażlu mill-Kummissjoni Ewropea jolqtu firxa ta’ setturi differenti ta’ policies tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom il-governanza, il-ħarsien tal-kosta, l-għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli. Permezz ta’ dan il-programm, li huwa wkoll iffinanzjat mill-istrument tat-TSI, rappreżentanti minn diversi Ministeri se jingħataw taħriġ relatat ma’ budgets dwar l-ekonomija l-ħadra.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat għall-Fondi Ewropew intqal li dan l-istrument huwa ċentralizzat u mmexxi direttament mill-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi għajnuna mfassla apposta skont il-ħtiġijiet ta’ kull stat membru, bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom u anke biex jiffaċilita l-iżvilupp u t-twettiq tar-riformi.
Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-interess mill-Amministrazzjoni Pubblika għal għajnuna esperta biex jitwettqu r-riformi kien qed jiżdied sena wara l-oħra tant li din kienet l-aktar darba li ġew sottomessi proġetti lill-Kummissjoni Ewropea.
Żied jgħid li dawn il-fondi ġodda taħt l-istrument TSI jkomplu jibnu fuq ir-rekord pożittiv li għandha Malta fil-Programm dwar l-Appoġġ għar-Riformi Strutturali (SRSP), li permezz tiegħu Malta bbenefikat minn 36 proġett mill-2017 ’l hawn.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar laqa’ b’sodisfazzjon il-kisba ta’ dawn il-fondi ġodda u qal li għal darba oħra l-Amministrazzjoni Pubblika rnexxielha takkwista ammont sinifikanti ta’ fondi Ewropej bħala appoġġ għal riformi “smart”, sostenibbli u ta’ impatt soċjali għal Malta. Semma li amministrazzjoni pubblika b’saħħitha hija kritika biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà Maltija. Dawn il-fondi, semma s-Sur Cutajar, għaldaqstant ser jappoġġaw is-servizzi mogħtija liċ-ċittadini u anke jindirizzaw l-isfidi tal-futur.
L-oqsma ta’ appoġġ minn dan l-istrument għandhom l-għan li jkomplu jibnu fuq is-suċċess miktub minn inizjattivi li diġà kienu appoġġati taħt programm preċedenti u li jikkontribwixxu lejn il-miri ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll, fost l-oħrajn, lejn it-tranżizzjoni għall-ekonomija l-ħadra u diġitali.