Seba’ plejers rebħu l-kategorija rispettiva tagħhom hekk kif il-Malta Blackball Federation organizzat ir-raba’ tournament ta’ kwalifikazzjoni għat-tazza tad-dinja li se jsir f’pajjiżna f’Novembru li ġej.
Johan Attard kompla juri l-mument pożittiv li għaddej minnu meta rebaħ il-finali tal-irġiel kontra Troy Zammit 10-9. Kif jindika l-iskor il-logħba kienet ħafna viċin xulxin għalkemm Attard wera l-esperjenza tiegħu u kien aktar preċiż mill-avversarju.
Deacon Formosa rebaħ il-finali ta’ taħt it-23 sena meta ftit sab diffikulta’ sabiex għeleb lil Neil Caruana 9-3 filwaqt li fil-finali tal-Juniors, Jake Castaldi kien aħjar minn Mason Mifsud tant li rebaħ 9-4. Lorna Micallef ibbrillat kontra Alexia Cassano tant li rebħet 8-5.
Fil-kategorija tal-plejers b’aktar esperjenza, Clint Azzopardi għeleb faċilment lil Dione Tedesco 10-3 fil-finali 40+ filwaqt li Jesmond Schembri kompla juri l-konsistenza tiegħu wara li fil-finali 50+ rebaħ lil Marco Bonello 9-7.
Finalment, fil-finali tal-Grandmasters 60+, Gaetano Camilleri għeleb lil Alfred Micallef 8-6.





