Seba’ persuni mietu fil-folol barra l-Ajruport ta’ Kabul fl-Afganistan.
Qal dan il-Ministru Ingliż għad-Difiża, propju fl-istess waqt li eluf ta’ persuni għadhom qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż sabiex jevitaw il-ħakma tat-Talibani.
Bosta jinsabu wkoll imħassba hekk kif it-truppi Amerikani għandhom sal-aħħar ta’ dan ix-xahar sabiex jirtiraw mill-pajjiż Afgan. Għal dan, rappreżentant tal-Unjoni Ewropea qal li huwa impossibli li jiġu evakwati l-Afganistani kollha b’permess tal-ivjaġġar sa din id-data.
Il-midja internazzjonali rrappurtat li bosta qed jgħidu li huwa kruċjali ferm li din id-data tiġi estiża, għax b’hekk biss se jiġu salvati l-ħajjiet.
Ireaġixxa għal dawn l-iżviluppi l-eks Prim Ministru Ingliż Tony Blair, li ddeskriva din il-mossa min-naħa tat-Talibani bħala waħda tal-imbeċilli.
Tard il-Ħadd wara nofshinar, tħabbar li l-Istati Uniti qabdet linji tal-ajru kummerċjali sabiex tgħin fil-proċess tal-evakwazzjoni. Min-naħa l-oħra linji tal-Ajru bħad-Delta u United Airlines se jgħinu l-Afgani ġa evakwati biex jaslu fil-pajjiż aħħari tagħhom.
Żdiedet ukoll il-pressjoni fuq il-President Amerikan Joe Biden sabiex jestendi d-data.
Intant, bħalissa hemm tħassib u biża kbira li l-Istat Iżlamiku, jew kif magħrufa aħjar bħala ISIS, mistenni jattakka barra l-Ajruport.