Seba’ persuni tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’rabta mal-inkjesta dwar 17 Black.
Is-seba’ persuni – Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, Brian Tonna, Karl Cini, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino – wieġbu lkoll li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
L-avukati tad-difiża indikaw li m’għandhomx fiduċja fl-esperti li tqabbdu fl-inkjesta, fejn ukoll kienu involuti l-kumpanija Harbinsons Forensics Ltd, li bħalissa tinsab fi proċess ta’ likwidità, u l-esperta Miroslava Milenovic, li m’għandhiex il-kwalifiki neċessarji.
L-istess esperti li ħadmu fuq l-inkjesta tal-isptarijiet.
Fil-Qorti l-Erbgħa filgħodu xehed l-Ispettur Brian Camilleri, li hu stazzjonat fl-FCID, li qal li l-investigazzjoni bdiet f’Marzu tal-2018 u oriġinat minn suspett ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus bejn diversi kumpaniji fil-Panama bi trust fund fi New Zealand.
Waqt il-kontro-eżami, id-difiża staqsiet lill-Ispettur Camilleri jekk sabx evidenza ta’ pagamenti minn 17 Black lil kumpaniji marbutin ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Iżda hu qal li ma sab l-ebda tranżazzjonijiet ta’ pagamenti lil xi membru Parlamentari jew uffiċjali pubbliċi, inkluż kumpaniji marbutin ma’ Schembri jew Mizz.
Wara li temmet ix-xhieda, il-Qorti semgħet it-talbiet għall-ordnijiet ta’ ffriżar, bid-difiża toġġezzjona.
Wara li s-seduta ġiet sospiża, il-Maġistrat waslet għad-deċiżjoni tagħha li tilqa’ t-talbiet tal-Prosekuzzjoni rigward il-ħatra tal-esperti u l-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ ffriżar.
L-ordnijiet jinkludu l-iffriżar ta’ €18-il miljun għal Fenech, €390,000 għal Apap Bologna u €200,000 għal Pullicino, waqt li għall-bqija bil-kumpaniji tagħhom inklużi ġew iffriżati €12-il miljun oħra.