Seba’ persuni ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina lesta għat-traffikar.
Dan waqt żewġ operazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
L-ewwel operazzjoni saret fl-akwati Tal-Qroqq. Wara informazzjoni dwar traffikar ta’ droga, il-Pulizija segwiet vettura u malli waslet fi Triq Maria Teresa Spinelli, iċċirkondawha u ġie arrestat raġel ta’ 53 sena.
Fil-pussess tar-raġel instabu numru ta’ qratas b’sustanza kokaina.
Aktar tard, il-Pulizija wettqu t-tieni operazzjoni, f’appartament fi Triq Manuel Magri, il-Ħamrun.
Minn dan l-appartament ġew arrestati sitt persuni, tliet irġiel u tliet nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 sena u t-53 sena.
Hawnhekk, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina, kemm fi qratas lesta biex tkun traffikata u sustanza oħra li kienet fil-proċess biex tinqasam f’aktar qratas.
Il-Pulizija kkonfiskat ukoll ammont ta’ flus kontanti miż-żewġ postijiet.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca LL.D ġiet infurmata bi-sejba u ħatret inkjesta.
Aktar tard illum ser tressaq żewġ persuni l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo LL.D filwaqt li linvestigazzjonijiet fil-konfront tal-persuni l-oħra għadhom għaddejjin.