L-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta rċeviet seba’ offerti b’valur medju ta’ €10.5 miljun għat-twaqqif ta’ tim ta’ esperti biex jippjanaw u jwettqu b’suċċess l-iżvilupp tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan it-tim ta’ esperti li ġejjin minn oqsma tekniċi differenti ser isegwi mill-qrib kull stadju tal-proġett biex jassiguraw li jitwettaq bl-ogħla livelli ta’ kwalità u bl-aktar mod sikur u sostenibbli.
Huwa żied iħabbar li fix-xhur li ġejjin se toħroġ sejħa internazzjonali oħra biex jintgħażlu l-kuntratturi li se jħaffru, jibnu u joperaw il-mina.
Dr Borg qal li dan huwa pass ieħor ‘il quddiem biex il-Gvern ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ familji f’Għawdex.