Bil-bandiera bajda u ħamra fl-isfond meta l-Prim Ministru rrappreżenta lil pajjiżna f’Ruma waqt summit tal-Mexxejja tan-Naħa t’Isfel tal-Ewropa, il-Prim Minitru Joseph Muscat sostna li ċ-ċittadini kollha Ewropej għandhom ikunu fil-qofol tad-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.
Din kienet ir-raba’ darba li ttella’ dan is-summit, bil-għan li l-pajjizi tan-Naħa t’Isfel tal-Ewropa wkoll jingħataw leħen biex iressqu l-ideat tagħhom fuq diversi oqsma fl-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċittadini Ewropej, inkluż dawk fil-periferija tas-soċjetajiet, għandhom ikunu fil-qofol tad-diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea dwar il-futur tal-Ewropa.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta rrappreżenta lil pajjiżna f’Ruma waqt summit mal-Mexxejja tan-Naħa t’Isfel tal-Ewropa, fejn semma wkoll il-bżonn ta’ taħditiet usa anki ma’ dawk li ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa l-Unjoni Ewropea.
Il-Prrim Ministru Joseph Muscat qal:
“Il-punt li għamilna aħna bħala Malta, u l-President Franċiż qabel miegħu u sħabna kollha qablu, il-fatt li l-konsultazzjonijiet ma jistgħux jieħdu forma tal-istess nies jgħidu l-istess affarijiet imma rridu nisimgħu ideat differenti. Irridu nisimgħu nies li ma jaqblux mal-Unjoni Ewropea, irridu nisimgħu nies li huma diżappuntati fl-Unjoni Ewropea. Irridu nisimgħu nies li jħossuhom esklużi mid-dibattitu għax b’dan il-mod verament ikollna konsultazzjoni effettiva.”
Il-Prim Ministru Malti qal li dan is-Summit m’huwhiex wieħed ta’ grupp ta’ pajjiżi li jrid jinqata’ mill-Unjoni Ewropea, anzi, iddeskrivieh bħala grupp ta’ pajjiżi li jrid imexxi ’l quddiem l-ideat tiegħu dwar diversi oqsma li għaddejjin fl-Unjoni.
Bħala eżempju, Dr. Muscat semma l-baġit tal-Unjoni Ewropea li qed jiġi diskuss fl-ambitu tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni li kienet tikkontribwixxi biljuni.
Id-diskussjoni hija jekk dawn il-flus jagħmlux tajjeb għalihom pajjiżi tal-Unjoni Ewropea; jew jekk jonqsux mill-baġit.
Hawnhekk il-Prim Ministru wera t-tama li dwar din id-diskussjoni, li għadha fil-bidu, jintlaħaq ftehim sa sena u nofs oħra.
Bil-bandiera ħamra u bajda fl-isfond, Joseph Muscat kien fost seba’ mexxejja Ewropej li ltaqgħu flimkien għar-raba’ darba biex jiddiskutu l-futur tal-Ewropa.