Disa’ persuni, seba’ Maltin u żewġ Rumeni nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti b’urġenza t-Tlieta waranofsinhar fejn ġew akkużati bl-involviment tagħhom f’ċirku ta’ kriminalità organizzata, li jittratta traffikar ta’ persuni.
L-akkużati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena minn Birkirkara, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena, li jgħix il-Marsa, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Luca Corrito ta’ 21 mill-Isla, Dylan McKay ta’ 30 mill-Fgura, u ż-żewġ Rumeni Nicolai Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Procora, li t-tnejn jgħixu f’San Pawl il-Baħar.
L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, fosthom dawk ta’ traffikar uman u ħasil ta’ flus.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija skattat l-investigazzjonijiet tagħha f’Ġunju li għadda u dan kien b’rabta ma’ allegat żamma ta’ burdell.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kienu nġiebu f’pajjiżna erba’ tfajliet Kolumbjani b’rabta ma’ allegat prostituzzjoni.
Fil-bidu tal-investigazzjonijiet, il-Pulizija ma kinux jafu min imexxi dan il-burdell, iżda wara xahrejn, waslu għall-akkużati.
Intqal li b’rabta ma’ dan il-każ, ġie informat Maġistrat u nħatret inkjesta, bis-sehem ta’ bosta esperti.
Inħareġ mandat mill-Maġistrat biex isir l-arrest u anke tfittxija fil-konfront tal-akkużati, b’operazzjoni li saret minn diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija kmieni t-Tnejn filgħodu.
Minn stqarrija tal-Pulizija, it-Tlieta, intqal li ġew arrestati ħdax-il persuna, disa’ Maltin u żewġ Rumeni, f’operazzjoni kkordinata bejn diversi taqsimiet.
L-operazzjoni, li tmexxiet mill-Iskwadra tal-Vittmi Vulnerabbli u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, ġiet wara ġimgħat ta’ osservazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni u involviet rejds fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, il-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u l-Isla. Mit-tfittxijiet, li saru fil-postijiet imsemmijin, ġew elevati wkoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u oġġetti ta’ valur.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kellha biżżejjed evidenza fil-konfront tal-akkużati li tressqu t-Tlieta filgħaxija.
Ġie spjegat li, fl-aħħar sigħat, sar magħruf ukoll li hemm allegat burdell ieħor, b’persuni oħrajn li huma involuti.
Irriżulta wkoll li, sadanittant, kien hemm allegata vittma oħra, li waslet f’Malta fil-jum tat-Tlieta stess, iżda kienu għadu jrid jiġi stabbilit min hi, waqt li hemm informazzjoni ulterjuri li l-ġimgħa d-dieħla kienu ġejjin aktar tfajliet bl-istess skop.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit, ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat tmin vittmi, biex ma jkunx hemm kuntatt mal-akkużati.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona f’dan l-istadju minħabba riskju ta’ intralċ tal-provi u ladarba l-investigazzjonijiet jibqgħu fi stadju bikri. Minbarra hekk ingħad li, fost l-akkużati, hemm persuni riċedivi u oħrajn li kisru l-kundizzjonijiet tal-Qorti jew għandhom sentenzi sospiżi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużati huma parti minn organizzazzjoni kriminali u hemm iċ-ċans li jinstab li hemm aktar allegati vittmi involuti.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u d-disa’ akkużati ġew ordnati li jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.