Ġie iffirmat l-investiment tal-Ismall Grant Schemes ma’ seba’ Kunsilli Lokali meqjusa bħala lokalitajiet urbani, sabiex iwettqu proġetti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-Kunsilli Lokali li ffirmaw dan il-ftehim huma Santa Venera, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa, il-Birgu, Tas-Sliema u l-Isla. Bejniethom dawn is-seba’ Kunsilli Lokali se jingħataw kważi seba’ mitt elf ewro.
Il-Ministru José Herrera flimkien mal-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ppresedew dan l-iffirmar.
Il-proġetti jinkludu żviluppi soċjo-kulturali kif ukoll edukattivi. Se jingħata wkoll servizz ta’ mobilità u aċċessibilità lil persuni vulnerabbli. Dawn il-proġetti se jkunu qed jippromwovu l-inklużjoni soċjali fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera awgura lill-Kunsilli Lokali li gawdew minn dawn il-fondi filwaqt li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela spjega kif permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kunsilli Lokali se jkomplu jgħinu sabiex ikun hemm riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali fil-komunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-iskema, li qed tiġi ffinanzjata permezz ta’ fondi Norveġiż, hija miżura oħra li se tkun qed tinċentiva iktar xogħol u proġetti favur komunitajiet isbaħ.
Is-Sindki ta’ Ħal Tarxien u tal-Birgu fissru l-proġetti li wettqu bil-fondi.
Abela qal, “Għalina din l-iskema tal-funds kienet ħafna importanti għall-komunità ta’ Ħal Tarxien. Il-Kunsill Lokali bbenifika mill-fondi biex stajna nagħmlu librerija ġdida residenti li kienet fi stat ta’ abbandun, għamila wkoll kamra għal-lecture tal-kompjuters u affarijiet oħra li jintużaw għall-komunità kif ukoll it-tesirum tal-grawnds tal-5 aside.”
Intant Boxall spjega, “B’din l-iskema ħadna l-finanzi biex nagħmlu lift, lift fil-berġa tal-Ingilterra, binja ikkalkulata l-ewwel grad storiku u din il-binja se tibda’ tintuża għall-anzjani matul il-ħin tal-ġurnata. Żgur illi mingħajr dawn il-fondi kienet se tkun ferm diffiċli biex dan il-proġett tal-lift isir f’din il-binja.”