Seba’ każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna. In-numru ta’ persuni infettati f’Malta issa telgħu għal 202.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li persuna li daħlet il-Ħamis, ħarġet mit-taqsima tal-kura intensiva iżda l-anzjan ta’ 72 sena għadu bil-ventilatur fl-ITU.
Il-Professur Gauci qalet li l-Ħamis saru 749 test. Minnhom ħarġu tliet każijiet pożittivi minn trażmissjoni lokali u erba’ persuni ġew infettati wara li kienu imsiefra.
Taljana ta’ 36 sena li tgħix f’Malta, rriżultat pożittiva għall-virus wara li sarilha test ta’ rutina qabel ma twelled.
Il-Professur Gauci qalet li l-mara ma kinitx qed tidħol għax-xogħol u allura r-riskju li din infettat lill-ħaddieħor huwa minimu.
Hija qalet: “Il-kundizzjoni tal-mara u t-tarbija huma fi stat ta’ saħħa tajba. Aħna qegħdin nieħdu l-miżuri kollha.”
Niġerjan ta’ 33 sena, li ġie Malta f’Ottubru li għadda u jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, ġie infettat bil-Coronavirus. Ir-raġel ma kienx imur għax-xogħol għax kellu inċident u weġġa’.
Il-Professur Gauci qalet li qed isir assessjar fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u sitt persuni li kienu joqogħdu miegħu fl-istess parti taċ-ċentru qegħdin kwarantina.
Każ ieħor ta’ trażmissjoni lokali huwa ta’ tfajla Maltija ta’ 23 sena, li hija kollega fix-xift taż-żagħżugħ infettat li jaħdem il-LIDL ta’ Ħal Safi. Is-sintomi ħarġulha fl-ewwel ta’ April, bl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħha kienet fit-30 ta’ Marzu.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjega: “Ħadna l-miżuri meħtiega. Żammejna n-nies fuq kwarantina li jaħdmu fuq l-istess xift fosthom din il-persuna. Ħadna l-miżuri meħtiega fl-istabbiliment. Biex ikun jista’ jerġa’ jiftaħ.”
Raġel ta’ 55 sena jgħix l-Ingilterra imma ġie lura Malta fid-dsatax ta’ Marzu. Huwa ħass is-sintomi fil-31 ta’ Marzu.
Maltija ta’ 62 sena, ġiet infettata wara li ġiet lura mill-Awstralja imma biex waslet Malta għaddiet mill-Ingilterra.
Każ ieħor huwa ta’ Maltija ta’ tmienja u għoxrin sena li taħdem l-Ingilterra, kienet fuq vaganza fuq il-baħar, u ġiet lura mill-Ingilterra fit-23 ta’ Marzu. Hi bdiet bis-sintomi dakinhar stess. Bl-awtoritajiet tas-saħħa qed jintraċċaw il-kuntatti li kellha fuq l-ajruplan.
Filwaqt li Malti ta’ 55 sena ġie infettat wara li kellu kuntatt ma’ żewġ persuni li huma pożittivi u ġew mill-Ingilterra.
Il-Professur Charmaine Gauci tenniet l-appell tagħha sabiex kulħadd jieħu l-prekawzzjonijiet meħtieġa u ħadd ma joħroġ bla bżonn.
Hija sostniet: “Jekk m’għandiex għal fejn noħorġu ma noħorġux. Hemm barra hemm trażmissjoni lokali. Allura hemm nies li hemm barra għandhom l-virus. Bil-koperazzjoni ta’ kulħadd jirnexxilna nagħmlu contain tas-sitwazzjoni.”