“Kienu sena u nofs ta’ sfida kbira għalina imma jiġri x’jiġri l-arti ma tmut qatt għax tibqa’ ħajja ġo fina.”
Dan kien kliem Sean Borg fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, sigħat wara li rebaħ il-ħamsa u erbgħin edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘Fuq l-Ixkaffa’.
Din kienet l-ewwel darba li Sean ikkompeta f’dan il-festival u minn fost sittax-il kanzunetta oħra, kollha b’diversi temi, hu ħareġ ir-rebbieħ.
Miktuba minn Philippa Naudi u Bettina Muchmore, il-kanzunetta tittratta l-imħabba u r-relazzjonijiet fejn il-kantant jitlob li kif jingħad bil-Malti, ma jitħalliex fuq l-ixkaffa, iżda jitħalla jgħix ħajtu kif jixtieq.
Fit-tieni post ikklassifikat, il-kanzunetta ‘Is-Sirena li Welldet it-Tama’, b’interpretazzjoni ta’ Haley Azzopardi, b’lirika ta’ Paul Ellul u kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas.
Fl-istorja ta’ din il-kanzunetta, l-Awtur jiddeskrivi l-atmosfera ta’ xħin traġikament, Miriam Pace, tilfet ħajjitha f’inċident f’darha fit-2 ta’ Marzu is-sena l-oħra.
Id-dwett MeadowStrings ġew fit-tielet post bil-kanzunetta ‘Niftakar’ li nkitbet minn Mario Camilleri u Magdalene Farrugia.
Is-sittax-il finalist kienu kollha akkumpanjati minn orkestra li daqqet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joe Brown.
B’differenza mill-festival li ttella’ fis-snin ta’ qabel, fl-edizzjoni ta’ din is-sena ġie onorat il-kantant Enzo Gusman bħala grazzi tal-kontribut qawwi li ta’ lill-mużika Maltija.