Fiż-żmien li ġej, se toħroġ sejħa biex jinħatru tliet Imħallfin ġodda.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt li kien fuq il-programm Insights fuq ix-xandir nazzjonali.
“Il-Kabinett anki approva li fiż-żmien li ġej toħroġ sejħa għal tliet Imħallfin ġodda. Żewġ Imħallfin biex nantiċipaw il-fatt li se jkun hemm żewġ Imħallfin li ħa jirtiraw fiż-żmien li ġej, allura f’differenza minn dak li kien isir qabel qiegħed nantiċipa l-ħatra tal-Imħallfin, dan dejjem b’diskussjonijiet mal-Prim Imħallef biex kemm jista’ jkun mhux nindirizzaw dak li huwa backlog, imma nemmen li tkun smooth it-transition bejn membru tal-ġudikatura u ieħor.”
Ministru Jonathan Attard
Waqt dan il-programm, Dr Attard sostna li dawn il-miżuri qed iżidu aktar l-effiċjenza fil-Qrati ta’ pajjiżna, hekk kif pajjiżna għandu l-akbar ammont ta’ ġudikatura fl-istorja.
Hawnhekk, il-Ministru għall-Ġustizzja semma li rapport tal-Kummissjoni Ewropea msejjaħ bħala ‘Justice Scoreboard’ innota li Malta rreġistrat tnaqqis ta’ madwar ħmistax fil-mija, fit-tul taż-żmien tal-proċeduri fil-każijiet u kummerċjali.
Dan filwaqt li kien hemm tnaqqis sostanzjali ta’ madwar ħamsin fil-mija fit-tul taż-żmien tal-proċeduri ta’ ħasil ta’ flus, meta mqabbel mal-elfejn u dsatax.
Malta kklassifikat ukoll fl-ewwel post fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-perċezzjoni fis-sistema tal-Ġustizzja Maltija fost il-kumpaniji tal-effettività tal-protezzjoni tal-investiment.