Fil-ġimgħat li ġejjin l-aġenzija Infrastruttura Malta se toħroġ sejħa għall-kuntratturi biex isiru mija u għoxrin triq madwar Malta u Għawdex.
Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura Ian Borg waqt li kien qed jitkellem dwar it-tlestija tal-proġett fi Vjal ix-Xarolla, din it-triq li jinqdew l-aktar minnha dawk ġejjin miż-Żurrieq, Ħal Safi u Ħal Kirkop.
Il-Ministru Borg spjega kif din is-sejħa ta’ interess mistennija tagħti ċ-ċans biex mija u għoxrin triq li qatt ma saru jew għandhom bżonn dawra tajba isiru bħala parti mill-wegħda elettorali ta’ rranġar fit-toroq Maltin fuq perjodu ta’ seba’ snin, b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro.
Dr. Ian Borg saħaq li l-għażla tal-kuntratturi wara li tagħlaq is-sejħa mistennija ssir sal-aħħar ta’ din is-sena biex mill-bidu tas-sena d-dieħla, jibda x-xogħol fuq it-toroq inkwistjoni.Sadanittant Vjal ix-Xarolla saret mill-ġdid b’investiment ta’ wieħed punt tmienja miljun ewro.
Bir-residenti tal-madwar quddiemu jesprimu sodisfazzjon li wara erbgħin sena, xi ħadd ħaseb fihom, il-Ministru Ian Borg qal li fi Vjal ix-Xarolla inbnew ġibjuni sabiex jinġabar l-ilma tax-xita.
Qal li r-roundabouts il-ġodda se jagħtu aċċess aħjar f’din it-triq filwaqt li x-xogħol f’din it-triq inkluda wkoll servizzi ġodda tal-ilma u sistemi tad-drenaġġ.
Il-Ministru Borg enfasizza wkoll li fil-ġenb tat-triq li twessgħet bil-kbir inbnew mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ li jagħtu għall-għelieqi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew ukoll il-Ministru Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia, id-deputat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sindku Żurrieqi Ignatius Farrugia, il-Ministru Borg qal li matul ix-xogħol li sar instabu sitt oqbra.
Hawnhekk daħlet is-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali li flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura rat l-iżvilupp ta’ din it-triq b’rispett sħiħ lejn il-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Ian Borg temm jgħid li l-Gvern qed iħares lejn l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-pajjiż mhux b’lenti iżolata iżda dan l-iżvilupp għandu jkompli joħloq aktar ġid ekonomiku.