It-Tempju ta’ Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa se jibda’ jkun miftuħ għall-pubbliku kuljum, bil-biljetti jiswew €3 biss għall-adulti, €2.50 għall-anzjani u studenti, u €2 għat-tfal.
Dan se jkun l-24 sit ta’ Heritage Malta li se jkun aċċessibbli għal kull min jixtri l-multisite pass u għall-membri ta’ Heritage Malta. Se jkun hemm ukoll open day fis-siti ta’ Għar Dalam u t-Tempju ta’ Borġ in-Nadur fit-22 ta’ Lulju, fejn il-pubbliku jista’ jidħol bla ħlas.
It-Tempju ta’ Borġ in-Nadur kien jintuża kemm fi żmien it-tempji kif ukoll fi żmien il-bronż, u jinsab f’post uniku bejn żewġ widien u faċċata tal-baħar. Is-sit kien skavat f’madwar l-1920 mill-arkeologa Margaret Murray, u l-fdalijiet u l-oġġetti li nstabu waqt l-iskavar għadhom qed ikunu analizzati sal-lum minn riċerkaturi li qed jużaw teknoloġiji li ma kinux disponibbli għall-arkeologi fil-passat.
Issa, dan is-sit se jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ħadd matul is-sena kollha, ħlief fil-Ġimgħa l-Kbira, lejliet il-Milied, jum il-Milied, lejliet l-Ewwel tas-Sena, u jum l-Ewwel tas-Sena.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta, bl-eqreb wieħed ikun Għar Dalam. Il-biljetti għal Borġ in-Nadur
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa mpenjat li jippreserva u jieħu ħsieb postijiet storiċi bħal Borġ in-Nadur, “minħabba li dan huwa l-bażi soda li fuqu jserrħu l-preżent u l-futur. Is-siti ta’ Heritage Malta huma xhieda tal-importanza li għandha l-istorja tagħna u l-ħidma tagħna hija li nassiguraw li dawn is-siti jkunu aċċessibbli u disponibbli għall-komunità”.
Wieħed jista’ wkoll iżur is-sit uffiċjali ta’ Heritage Malta għal iktar informazzjoni.