B’investiment ta’ mitt elf ewro, binja antika fiċ-Ċentru tal-Vitikultura u l-Onoloġija, li tinsab fil-limiti tar-Rabat, se tiġi rrestawrata biex jitkattar l-għarfien fuq it-tkabbir tad-dwieli f’pajjiżna.
Dan iċ-ċentru jintuża għar-riċerka fuq il-kultivazzjoni tad-dielja u l-produzzjoni tal-inbid.
L-Assistent Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega kif dan il-proġett se jagħti l-opportunità lil dawk kollha interessati biex jiskopru iżjed fuq dan il-proċess.
“Issa dan rridu nikkomunikawh lill-konsumatur, lill-poplu x’qegħdin nagħmlu. Allura, ma’ dan iċ-ċentru se nkunu qegħdin inżidu din il-binja li hawn warajja biex isservi bħala ċentru tal-informazzjoni għall-viżitaturi u għall-pubbliku li jkun ġie hawnhekk u jkun jista’ jinforma ruħu dwar ix-xogħol li jsir mill-bdiewa u mill-għassara biex jagħtu valur lill-inbid Malti.”
Fi żjara f’dan iċ-ċentru, il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo, qal li permezz ta’ interattività ġdida, wieħed se jkun jista’ jinforma ruħu aħjar.
Aċċenna li f’pajjiż bħal Malta fejn neċċellaw fil-produzzjoni tal-inbid, dan il-proġett huwa bżonnjuż u jagħmel ħafna sens.
“It-tieni skop tiegħu li jkun mużew interattiv għall-poplu tagħna speċjalment għaz-żgħażagħ u l-istudenti tagħna. It-Tielet skop hu li jservi ta ċentru ta’ innovazzjoni u riċerka biex intejbu l-kwalità tal-għenba tagħna.”
Ix-xogħol fuq din il-binja mistenni jkun lest fi żmien sentejn.