Għall-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji ta’ din is-sena, b’kollox applikaw 77 parteċipant. Dawn huma maqsuma f’diversi kategoriji, u r-rebbieħa għal kull kategorija ser jitħabbru fit-8 ta’ Jannar 2023.
B’differenza għal snin oħra, din is-sena se tiġi ġġenerata QR code, li meta tkun scanned, turi mappa ta’ Malta bil-positijiet fejn jinsabu l-presepji li applikaw għall-kompetizzjoni.
Barra minn hekk, qed tittella’ wkoll wirja tal-presepji fiż-Żejtun li fiha qed jieħdu sehem 13-il esebitur. Dawn l-esebituri kienu pparteċipaw f’masterclass u f’diversi workshops fuq il-bini tal-presepji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-patrimonju tagħna huwa dak kollu li jagħmilna Maltin.
Kull wirja ta’ presepju parteċipi fil-kompetizzjoni ser tkun miftuħa għall-pubbliku mill-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022 sal-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023. Il-ħinijiet tal-wiri se jkunu bejn il-17:00 u t-20:00 ta’ filgħaxija, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, filwaqt li kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi l-ħinijiet tal-wiri se jkunu bejn l-10.00 ta’ filgħodu u nofsinhar. Kull applikant jista’ jżomm il-wirja miftuħa f’ħinijiet itwal u / jew ġranet aktar milli mitlub.