Tista’ timmaġina karozza tal-linja miexja waħidha, tieħdok f’kull rokna tal-pajjiż.
Din mhiex ħolma iżda ħsieb li jista’ jsir realtà iżjed ’il quddiem permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Transport Malta u l-Università ta’ Malta.
Fil-fatt dawn it-tnejn se jwettqu riċerka dwar il-kunċett ta’ karozza tal-linja awtonoma.
Dan il-proġett mistenni jipprovdi opportunitajiet differenti ta’ riċerka dwar vetturi tat-trasport pubbliku li jsuqu waħedhom f’postijiet magħżula.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li b’dan il-proġett jista’ jiġi eliminat l-iżball uman, li jwassal għal aktar minn disgħin fil-mija tal-inċidenti tat-traffiku.
Waqt li kien qed jippreżenta din il-viżjoni progressiva u innovattiva tal-Gvern għat-trasport, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega li din it-tip ta’ karozza tal-linja tkun tista’ taħdem f’erba rotot prinċipali fosthom fil-Belt, u bejn L-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.
Qal, “Qed naraw it-tnedija ta’ vetturi mingħajr xufier. Ifisser numru ta’ rotot fejn il-karozza tkun misjuqa permezz tal-intelliġenza artifiċjali. Inħarsu ’l quddiem sabiex naraw il-ħidma bejn l-Università ta’ Malta u t-Trasport Pubbliku sabiex tibda titħadddem u wieħed jagħmel l-evalwazzjoni minn hemmhekk.”
Dawn il-karozzi tal-linja se jieħdu inqas spazju u jużaw inqas riżorsi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana stqarret li l-Università ta’ Malta għandha rwol importanti bħala sieħba tal-Gvern, mhux biss fejn jidħol tagħlim, edukazzjoni u wkoll taħriġ, riċerka u innovazzjoni, imma wkoll fejn tidħol it-teknoloġija.
Qalet, “Sodisfatti ħafna li l-Università hija parti interessata importanti f’dan il-proġett tassew innovattiv għax se tkun qed tinbidel, mhux biss it-trasport f’pajjiżna iżda wkoll se jkollha impatt fuq livell soċjali, fuq livell ta’ komunità u wkoll fuq livell fejn jidħlu l-miri ambjentali.”
B’aktar minn tliet mitt karozza, li bħalissa qed jintużaw madwar id-dinja, il-karozzi tal-linja awtonomi joffru mezz ta’ trasport sigur.
F’dan il-kuntest, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella spjega li dan il-proġett huwa ta’ interess kbir fejn l-intelliġenza artifiċjali tkompli twassal għal emissjonijiet inqas fl-arja.