Il-Ministeru għall-Ambjent se jibda xogħlijiet f’Kemmuna fiż-żona magħrufa Tal-Ful, biex sas-sajf li ġej din tkun tista’ tintuża għall-ikkampjar. Dan qed isir bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan dwar Kemmuna u l-gżejjer tal-madwar, skont kif ippjanat mill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
F’dan is-sit, li se jiġi operat u mmaniġġjat minn Ambjent Malta, fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa biex issir ir-riabilitazzjoni meħtieġa li se tinkludi fost l-oħrajn tindif u livellar tal-art, installazzjoni ta’ kontenituri għar-rimi tal-iskart, kif ukoll se jitħawlu siġar indiġeni biex is-sit ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet meħtieġa bl-inqas impatt ambjentali possibbli. Hu stmat li x-xogħlijiet f’dan is-sit għandhom jitlestew sa Mejju ta’ din is-sena. F’dan il-post biss l-ikkampjar se jkun permessibbli fuq Kemmuna.
Apparti x-xogħlijiet f’din iż-żona, se jibda xogħol ta’ riġenerazzjoni u ta’ riabilitazzjoni fiż-żona ta’ importanza ekoloġika viċin il-Bajja ta’ Santa Marija. Għal bosta snin, minħabba azzjonijiet irresponsabbli li seħħew f’din iż-żona, kienet qed issir ħsara ambjentali sostanzjali. Dan ix-xogħol se jkun koordinat minn Ambjent Malta taħt is-sorveljanza tal-ERA.
Il-Ministru Josè Herrera saħaq li bħala poplu rridu nifhmu u napprezzaw aktar il-fatt li filwaqt li importanti ngawdu n-natura permezz ta’ attivitajiet diversi, dawn l-attivitajiet għandhom isiru bl-inqas impatt ekoloġiku possibbli u b’aktar responsabbiltà.