Hekk kif ninsabu fil-ġimgħa li d-dinija tfakkar Jum in-Naħal, żona li fiha madwar elf metru kwadru biswit il-knisja tal-Prepostu f’San Ġwann se tkun qed tingħata dehra ġdida permezz ta ġnien rikreattiv li fih se jitkattar il-proċess tal-polinazzjoni.
Dan kollu se jsir b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Parks Malta, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann kif ukoll il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Kull persuna li jżur dan il-ġnien se jkun jista’ josserva kif naħla tipproduċi l-għasel minn distanza li hija sigura għall-bniedem.
Id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta qalilna l-proċess tal-polinazzjoni se jitkattar permezz tal-ħafna siġar u xtieli indiġeni li jattiraw lil dawn l-insetti, fosthom is-siġra tal-ħarrub.
Qal, “Bħal Riħan u l-Virgi kif ukoll ħwawar oħra aromatiċi li se jkunu wkoll parti mill-pollinaturi li huma bażikament ħabaq u sagħtar. B’dan il-mod ħa nkunu qegħdin naraw li n-naħla ħa tkun tista’ twettaq, takra b’mod naturali.”
Żied jgħidilna li b’dan il-mod, n-naħla se tiġi mgħejjuna fit-twettiq tal-proċess ta’ polinazzjoni fl-għelieqi u fl-inħawi ta’ din iż-żona.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza li t-tfal jitgħallmu fuq dawn l-insetti li huma sors fundamentali tal-ikel li nikkunsmaw.
Spjegat, “In-naħla madwar id-dinja kollha hija kontributur ewlieni għall-ikel li aħna nieklu. Jekk in-naħla tispiċċa, ftit tas-snin wara jispiċċa l-ikel. Tajjeb nfakkru wkoll li n-naħla hija responsabbli għal tmenin fil-mija tal-ikel u allura dan il-proġett se jkun progett rikreattiv imma bil-għan edukazzjonali li t-tfal tagħna jistgħu jitgħallmu minnha b’mod iżjed prattiku.”
Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor spjega kif ir-riġenerazzjoni ta’ dan is-sit se tagħti nifs ġdid lir-residenti tal-madwar.
Qal, “Hekk kif kien imwiegħed spazju rikreattiv ieħor ġewwa l-lokalità ta’ San Ġwann f’post ieħor li kien mitluq u abbandunat u għalhekk il-ħidma tagħna tkompli bħala Kunsill Lokali”
L-Aġenzija Parks Malta se tkun qed tgħin lill-Kunsill Lokali fil-manutenzjoni ta’ dan il-ġnien wara li jitlesta.