Meta kien il-mistieden ta’ Kay Burley fuq l-istazzjon Sky News, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, tkellem dwar l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-konnettività bl-ajru bejn Malta u r-Renju Unit. Dan jippermetti li aktar turisti minn dak il-pajjiż jiġu jqattgħu il-btajjel tagħhom fostna.
“There is good connectivity between Malta and the UK – something that we have been working on over the past few weeks as well – to ensure that next year’s connectivity is even better than this year’s.”
Il-preżentatriċi rrimarkat li, bħalissa, lill-Ingliżi jiġihom orħos li jiġu jqattgħu btala f’Malta milli li jħallsu l-kontijiet biex isaħħnu djarhom.
“Kay Burley: And a lot of people from Britain do come, not least because it’s cheaper to go to Malta than it is to heat your home.
Il-Ministru Clayton Bartolo: Yes, as a matter of fact, it is, and when one is there he can have an affordable holiday together with his family.”
Filwaqt li tkellem dwar x’toffri Malta lit-turist, il-Ministru Bartolo semma l-promozzjoni li tagħmel Malta għal btajjel twal fix-xitwa. Btajjel ta’ dan it-tip huma popolari u konvenjenti ħafna għall-anzjani mir-Renju Unit, kemm minħabba t-temp isbaħ li Malta jkollha fix-xitwa meta mqabbel man-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, kif ukoll għax Malta l-Ingliż huwa mitkellem tajjeb.
Il-prezzijiet tal-btajjel f’Malta jibqgħu bi prezz kompetittiv ukoll b’riżultat tad-deċiżjoni tal-Gvern li jilqa’ għall-impatt li l-kunflitt armat fl-Ukrajna qed ikollu fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Dan żamm il-kontijiet tad-dawl f’livell stabbli għal kulħadd, inkluż għal-lukandi u postijiet oħrajn ta’ akkomodazzjoni.
Ftit jiem ilu, fuq il-paġna tiegħu tal-Facebook, il-Ministru Bartolo ħabbar li, mis-sena d-dieħla, il-kumpaniji Jet2.com u Jet2holidays se jkunu qed iżidu bi 30 fil-mija l-għadd ta’ turisti li jġibu lejn Malta. Dan, naturalment, ifisser ukoll żieda fin-numru ta’ titjiriet bejn Malta u r-Renju Unit.