Permezz ta’ netwerk internazzjonali li pajjiżna għandu bl-ambaxxati u konsolati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ se jkompli jaħdem biex jippromwovi aktar lil Malta bħala destinazzjoni għan-negozju, investiment, turiżmu, edukazzjoni, servizzi mediċi u ħafna oħrajn.
Dan qalu l-Ministru Carmelo Abela waqt id-diskors tiegħu fil-bidu tal-laqgħa annwali tal-ambaxxaturi. Laqgħa li qed issir bejn l-Erbgħa u l-Ħamis u li qed issir fi-Ċentru tax-Xjenza Interattiva, l-Esplora.
L-istess netwerk se jkun qed jgħin biex jinstabu metodi ġodda kif ikunu żviluppati swieq barranin eżistenti filwaqt li jinfetħu oħrajn ġodda. Ħidma li fost oħrajn se tinkludi l-kollaborazzjoni ta’ Trade Malta.
Il-promozzjoni tal-kummerċ diġa kienet qed issir fil-passat minn numru ta’ ambaxxaturi, xi kultant b’impenn personali. Iżda issa, din se tkun iktar ikkoordinata, kif spjegat id-Direttur fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Maria Camilleri Calleja.