Lejliet il-finali tant mistennija tal-EURO 2020 bejn it-Taljani u l-Ingliżi, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, appellaw lill-pubbliku – b’mod partikolari l-partitarji taż-żewġ timijiet, biex jiddevertu b’responsabbiltà.
Ħabbru li l-Korp tal-Pulizija, bl-għajnuna ta’ entitajiet oħra fosthom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, se jsaħħu l-preżenza tal-uffiċjali fit-toroq.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal, “Konxji tal-akkanitiżmu li jeżisti f’pajjiżna bejn il-partitarji ta’ dawn iż-żewġ timiijet, għada filgħaxija l-Korp tal-Pulizija ser ikun qed iżid il-preżenza tiegħu f’ċertu lokalitajiet li dawn huma meqjusa bħala hot spots għaċ-ċelebrazzjonijiet.”
Il-Ministru Byron Camilleri appella għar-responsabbiltà biex insalvaw sajf ta’ xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin.
Huwa appella: “Nitolbukom, evitaw il-folol. Evitaw li tiksru dawn ir-regolari marbuta mal-COVID-19. Il-Pulizija ser ikunu hemm. Uffiċjali oħrajn ser ikunu hemmhekk ukoll u l-ewwel prijorità ser tibqa’ l-ordni pubblika iżda wkoll anki bl-użu ta’ għodda moderna inkluż il-bodycams.”
Il-Ministru spjega li f’dawn l-aħħar xhur, l-entitajiet tal-infurzar f’pajjiżna wettqu numru ta’ spezzjonijiet biex jaraw li jkunu nfurzati l-miżuri marbuta mal-imxija.
Fil-fatt, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, inħarġu mal-għoxrin elf multa marbuta ma’ ksur ta’ regoli tal-COVID-19.
Flimkien ma’ dan l-infurzar, il-ħidma tal-Pulizija f’aspetti oħra ma taqta’ xejn.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Għada jista’ jkollok ukoll vittma ta’ vjolenza domestika li tfittex l-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija, jista’ jkollok persuna oħra li sofra minn xi crime u allura l-Korp jeħtieġ li jibqa’ jagħti dawn is-servizzi fl-istess ħin li naraw li jkollna preżenza qawwija fil-lokalitajiet tagħna.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija appella biex kulħadd jirrispetta r-regoli eżistenti u fakkar li dawk ta’ Malta jagħtu aktar libertà mir-regoli ta’ pajjiżi oħra.
Huwa rringrazzja lill-uffiċjali tal-Korp għax-xogħol li qed iwettqu f’din ir-realtà ġdida li ngħaqdet max-xogħol kollu l-ieħor li hu mistenni minnhom: “Max-xogħol kbir tagħhom, fl-aħħar xhur il-membri tal-Korp xammru l-kmiem biex rażżnu t-tixrid tal-pandemija b’tant effettività. B’rispett lejhom u lejn ħutna Maltin u Għawdxin, l-aktar dawk vulnerabbli, qed nappellaw biex għada u tul is-sajf niddevertu b’mod responsabbli.”