Transport Malta qed tniedi uffiċjalment il-kampanja annwali tal-Milied. Minħabba li f’dawn iż-żminijiet ħafna nies jieħdu grokk tal-okkażżjoni, jiżdiedu dawk li potenzjalment isuqu taħt l-effett tal-alkoħol. Sfortunatament ħafna jirriskjaw għax jemmnu li jifilħu għax-xorb mingħajr ma jikkunsidraw il-konsegwenzi. Mhuwiex aċċettabli li ssuq wara li tixrob, il-konsegwenzi jistgħu ikunu koroh wisq. Kulħadd għandu jaħseb fil-familjari tiegħu, fih innifsu u f’dawk kollha ta’ madwaru u jevita l-inċidenti, speċjalment f’dawn iż-żminijiet tal-festi.
Il-kampanja bit-tema, “Se tixrob? Issuqx” se tikkonċentra l-iktar fuq ir-radju u l-mezzi soċjali. Transport Malta ħejjiet tliet filmati animati qosra u avviż għar-radju biex iqajmu iktar kuxjenza fuq il-konsegwenzi tas-sewqan taħt l-influwenza.
Illum, li hemm diversi alternattivi għall-karozza privata, tant li wieħed m’għandux għalfejn jagħżel li bilfors isuq meta jkun qiegħed jippjana li jixrob l-alkoħol, Transport Malta tħeġġeġ lil kulħadd biex jiddeverti b’mod għaqli u filwaqt li jżomm il-moderazzjoni għal diversi raġunijiet, jagħżel alternattivi sikuri, fosthom it-trasport pubbliku jew is-sistema ta’ designated driver fejn persuna waħda minn grupp ma tixrobx alkoħol u twassal lil kulħadd f’forma ta’ carpooling.
Il-kampanja “Se tixrob? Issuqx” hija biss waħda mill-inizjattivi li Transport Malta qed twettaq favur imġiba aktar responsabbli u toroq aktar sikuri. Filfatt, f’dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità kienet qiegħda twassal kampanja edukattiva f’forma ta’ filmati qosra biex tiżdied il-kuxjenza dwar regoli komuni fit-toroq u mġiba aktar għaqlija bħal kif wieħed għandu jċedi. Il-ħidma tal-Awtorità kontinwament tiffoka fuq diversi kampanji edukattivi u inizjattivi għal dan il-għan.
Bħala parti mill-kampanja “Se tixrob? Issuqx”, uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu qegħdin iqassmu għadd ta’ air freshners għall-karozzi bit-tema prinċipali. Il-Malta Road Safety Council ukoll se jkompli jqassam disposable breathalysers biex dak li jkun jiċċekkja l-livell tal-alkoħol li għandu jew għandha.