Bħala parti minn sensiela ta’ proġetti infrastrutturali li qed isiru fit-toroq arterjali li joħolqu konġestjoni tat-traffiku, beda x-xogħol fuq it-twessigħ tal-bypass bejn il-Marsa u l-Ħamrun li minnha jgħaddu aktar minn 50 elf karozza kuljum.
Huwa u jżur ix-xogħlijiet, il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, spjega li permezz ta’ dan il-proġett li se jiswa mal-ħames miljun ewro, il-bypass se jkollha tliet karreġġjati fuq kull naħa.
Dan biex fi kliemu titnaqqas il-konġestjoni f’żona oħra li fiha s-sewwieqa jeħlu fit-traffiku.
Ħafna nies qed jispiċċaw jeħlu qabel jidħlu fil-mini ta’ Santa Venera.. dan minħabba li hawn nuqqas ta’ karreġġjati.. u bejn il-proġett tal-Kappara u dak tal-Marsa hawn bottleneck li jrid jiġi solvut.. aħna nafu li n-nies frustrati, u rridu nsolvu din il-problema.
Il-Ministru Borg qal li l-ippjanar tal-proġett ilu għaddej mis-sajf li għadda, bix-xogħol ta’ tħammil jibda fil-jiem li għaddew.
Il-proġett, li huwa indipendenti minn dak tal-Junction tal-Marsa, mistenni jitlesta fi żmien tlettax-il xahar.
Il-Ministru Ian Borg qal li x-xogħol, li se jitmexxa mid-Direttorat għat-Toroq, se jsir bl-inqas inkonvenjent possibbli għas-sewwieqa, fejn se jittieħdu miżuri biex it-traffiku jibqa’ miexi b’mod normali.
Hu spjega li dan huwa mod ġdid ta’ kif qed isir ix-xogħol, fejn b’differenza milli kien isir qabel, proġetti kapitali qed jiġu ppjanati, biex jibdew u jitlestew fi żmien ftit xhur.
Il-Ministru temm billi fakkar fi proġetti oħra li qed isiru, bħat-twessigħ ta’ għadd ta’ toroq, u żoni fejn hemm roundabouts li qed jiċċekknu. Proġetti li fi kliemu huma żgħar, iżda li qed iħallu impatt pożittiv fuq it-traffiku f’pajjiżna.