Skont statistika uffiċjali, matul dawn l-aħħar għaxar snin, qed tiżdied b’medja ta’ sentejn l-istennija ta’ kemm jgħixu n-nies fl-Unjoni Ewropea.
Biex ikompli jiġi garantit servizz dejjem aħjar lin-numru akbar ta’ anzjani f’pajjiżna, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Joe Etienne Abela, nieda għall-konsultazzjoni pubblika Abbozz ta’ Liġi msejjaħ ‘l-Att dwar l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani’, li huwa maħsub biex titwaqqaf Awtorità li tirregola s-servizzi pprovduti lill-anzjani fosthom; servizzi residenzjali, servizzi komunitarji u servizzi ta’ respite.
L-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani se jkollha tliet funzjonijiet ewlenin: it-twaqqif ta’ standards; liċenzjar ta’ servizzi u spezzjonijiet. Din l-awtorità se tagħti wkoll l-opportunità lill-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jispeċjalizzaw u jiffukaw aktar fuq dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attivan spjega li ġie deċiż li x-xogħol li kienet twettaq is-Social Care Standards Authority jinqasam f’żewġ awtoritajiet. Waħda minnhom se tkun speċifikament iffukata fuq l-istandards tal-ħarsien u s-servizzi kollha immirati għall-anzjani, filwaqt li l-awtorità l-oħra se tieħu ħsieb l-istandards u s-servizzi relatati mat-tfal. Din tal-aħħar se tkun taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru li taħtu jaqgħu d-drittijiet tat-tfal.
Il-Ministru qal li l-Awtorità se tiżgura li se tingħata lill-anzjani kura ta’ livell għoli. Huwa ħabbar ukoll li qed jiġi propost reġistru li fih jitniżżlu l-ismijiet ta’ dawk l-individwi li jkunu kkundannati mill-Qorti għar-reati marbuta ma’ abbuż tal-anzjani.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru qal li, “L-inizjattiva naħsbu li hija idea tajba għaliex kulħadd jaf li l-anzjani f’pajjiżna kif ukoll f’pajjiżi oħra, il-faxxa tal-età tal-anzjani qed tiżdied u aħna nixtiequ nkunu proattivi u naħsbu għal dan is-settur li tant huwa sensittiv.”
Kull min jixtieq isemma’ leħnu, jista’ jibgħat ittra elettronika sa mhux aktar tard mill-21 t’April 2023.