Il-baġit għas-settur kulturali għas-sena d-dieħla se jkun €84 miljun. Dan huwa 150% iżjed minn dak li ngħata f’dan is-settur fl-aħħar Budget tal-gvern Nazzjonalista.
Dan intqal mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi ta’ dan is-settur. Il-Ministru Bonnici ħabbar li s-sena d-dieħla se tittieħed deċiżjoni mill-UNESCO dwar l-applikazzjoni ta’ Malta biex il-festi Maltin jiġu rikonoxxuti bħala wirt intanġibbli.
Qal ukoll li l-Gvern se japplika għall-fondi Ewropej biex tiġi rrestawrata Villa Gwardamangia, li l-post fejn kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni meta kienet toqgħod f’pajjiżna.
Huwa semma wkoll diversi xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru madwar pajjiżna.
“Bħalma qed nagħmlu diversi restawr ta’ niċeċ, kappelli, il-Linji tal-Kottonera, is-Sur ta’ San Nikola, is-Swar u l-Bieb ta’ Santa Liena, il-Victoria Lines – kollha affarijiet importanti.”
Dwar is-suġġett tal-kultura tkellmet ukoll id-deputat Katya De Giovanni, li fost il-miżuri li semmiet kien hemm il-culture pass, li se jressaq aktar tfal u studenti lejn il-kultura.
“Għaliex nafu li l-investiment f’dan ir-rigward huwa investiment fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, uliedna jifhmu aħjar meta nħajruhom jersqu lejn l-arti u lejn il-kultura.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari reponsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civili, qalet li l-Gvern qed isaħħaħ lir-Reġjuni sabiex jagħtu għajnuna professjonali lill-kunsilli lokali u semmiet ukoll li se tinħoloq sistema diġitali sabiex in-nies ikollhom servizzi aċċessibbli b’mod diġitali.
Hija qalet li s-sena d-dieħla se tiġi konkluża l-konsultazzjoni dwar l-istrateġija dwar il-Gvern Lokali. Is-sena d-dieħla hija l-istess sena li fiha se jitfakkar it-tletin anniversarju minn mindu nħolqu l-kunsilli lokali.
“Se nkunu qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji għal sistema diġitali ħalli r-residenti jkunu jistgħu jaċċessaw numru ta’ servizzi minn kull kunsill lokali madwar Malta u Għawdex.”
Waqt din is-seduta parlamentari tkellmet ukoll id-deputat Davinia Sammut Hili, li tkellmet fuq l-importanza li l-kunsillieri jkunu viċin in-nies.
“Tul dawn it-tletin sena li ilhom imwaqqfa l-kunsilli lokali sar tibdil radikali u, għaliex dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-kunsilli lokali, se nkomplu nkunu ta’ spalla għalihom u għar-residenti tagħhom.”