Se tittieħed azzjoni legali kontra dawk responsabbli miż-żamma ta’ annimali perikolużi f’razzett fil-limiti tan-Naxxar, fejn instabu erba’ ljuni u pantera. Dan tħabbar fi stqarrija mid-Direttorat dwar ir-Regolamenti Veterinarji fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Intqal li, b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, il-każ qed jiġi investigat u diversi individwi ġew interrogati, wara li mill-ewwel investigazzjonijiet instab li l-post fejn kienu qed jinżammu l-annimali mhux irreġistrat skont il-liġijiet.
Skont il-leġiżlazzjoni, annimal perikoluż għandu jinżamm f’post adegwat u sigur li jirrispetta r-rekwiżiti tal-annimal perikoluż, inklużi f’termini ta’ saħħa, indafa u mikroklima meħtieġa għall-benesseri tal-istess annimal.
Ġie spjegat kif professjonisti spezzjonaw il-bini fin-Naxxar u evalwaw is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-annimali inkwistjoni.
Kif irrapporta ONE News fil-jiem li għaddew, ġie indikat li l-annimali jinsabu f’kundizzjoni fiżika tajba, għalkemm iljun wieħed qed juri sinjali ta’ kundizzjoni ortopedika li teħtieġ aktar attenzjoni.
Kuntrarjament għal rapporti f’ċerti sezzjonijiet tal-midja, ma nstabet l-ebda evidenza ta’ ljuni mejta fil-post.
Is-sit fin-Naxxar qed jiġi mmonitorjat biex jiġi żġurat li l-annimali jibqgħu siguri u ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, filwaqt li jkunu mitmugħin u miżmumin f’ambjent nadif biex dan jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.
Id-Direttorat dwar ir-Regolamenti Veterinarji qed jesplora diversi għażliet, inkluż ir-rilokazzjoni tal-annimali f’faċilitajiet xierqa li jissodisfaw l-istandards kollha ta’ benesseri u sigurtà.
L-awtoritajiet jinsabu kommessi li jissalvagwardjaw il-benesseri tal-annimali u jiżguraw is-sigurtà pubblika matul din l-investigazzjoni. Qed jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-annimali, filwaqt li għaddejja ħidma konġunta għal soluzzjoni fit-tul.