Fi tmiem il-ġimgħa, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-Imdina, tar-Rabat u tal-Imtarfa, se ttella’ l-attività The British Military Walk.
L-attività se tinkludi rotta tal-mixi li tgħaddi minn postijiet varji fil-lokalitajiet imsemmija; li għandhom taħlita ta’ storja, arkitettura u natura; fejn wieħed se jkun jista’ jara fdalijiet tal-perjodu Brittaniku, mini medjevali u numru kbir ta’ ħaġar arkitettoniku prezzjuż.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jinħolqu rotot ġodda fejn dawn it-turisti jistgħu jesploraw ukoll postijiet li mhumiex magħrufa daqs postijiet turistiċi oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt it-tnedija ta’ din l-attività mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MTA, Gavin Gulia u tas-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud.
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega li dan il-proġett se jikkontribwixxi għal turiżmu sostenibbli billi tingħata iżjed importanza lill-komunitajiet lokali.
Iċ-Chairperson Gavin Gulia qal li l-MTA se tkompli taħdem biex jiġu kkumbinati esperjenzi turistiċi ma’ dawk lokali.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Imtarfa Kyle Mifsud irrimarka li dawn it-tip ta’ attivitajiet jgħinu bil-kbir biex it-turiżmu f’pajjiżna jinfirex f’lokalitajiet li għandhom ħafna x’joffru iżda qatt ma ġie sfruttat il-potenzjal tagħhom matul is-snin.