L-edizzjoni annwali tal-Festa Ċitru 2021 se ssir b’format differenti minn dak tas-soltu sabiex ikun konformi mal-linji gwidi maħruġin mill-awtorijiet tas-saħħa minħabba l-pandemija.
Dan hekk kif il-Festa Ċitru 2021 se tibda min nhar is-Sibt 2 ta’ Jannar, bil-prodotti se jinbiegħu mill-President’s Kitchen Garden, f’Ħ’Attard sakemm jispiċċaw il-ħażniet.
Għall-bejgħ se jkun hemm larinġ, lumi, mandolin u grapefruit maqtugħin friski, kif ukoll diversi ħlewwiet taċ-ċitru, bid-dħul kollu minn din l-inizjattiva se jmur b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest.
Jiem qabel din l-attività ta’ kull sena, il-President ta’ Malta George Vella flimkien ma’ martu Miriam Vella żaru l-ħaddiema tal-palazz li qed jippreparaw għal din l-attività.
Mart il-President is-Sinjura Miriam Vella qalet li kienet tkun ħasra li l-frott taċ-ċitru li hemm fil-masġar tal-Palazz ta’ Sant’Anton kien jinħela minħabba l-pandemija.
Is-Sinjura Vella spjegat, “Din is-sena għandna larinġ abbundanti u dnub inħalluh jaqa’ u jintrema. Allura qegħdin inbiegħuh kollu għall-Community Chest Fund il-qliegħ mill-Kitchen Garden.”