Għas-7 sena konsekuttiva qed tittella’ l-edizzjoni ta’ Karnival fil-Marina mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex. Karnival b’differenza li huwa mfittex minn bosta familji għall-atmosfera li joħloq.
Din is-sena, dan l-avveniment se jkun wieħed akbar minn qatt qabel, hekk kif se jkun qed joffri spettaklu minn żeffiena Brażiljani, il-pajjiż li tant huwa magħruf għaż-żfin tal-Karnival b’mod speċjali f’Rio Di Janeiro. Dawk preżenti se jkunu jistgħu jsegwu dan l-ispettaklu mingħajr ebda ħlas.
Għal din l-attività, se tkun qed tittella’ wkoll kompetizzjoni tal-kostumi li se tkun qed titmexxa mill-preżentatur lokali, Ivan Gaffiero.
Bħal snin oħra se jkunu hemm spettaklu minn numru ta’ kumpaniji taż-żfin, bosta kantanti, maskaruni, maskri grotteski, żona għat-tfal, ikel u xorb u sorpiriżi oħra.
Għal din l-edizzjoni ta’ Karnival fil-Marina se jkun hemm numru ta’ siġġijiet għall-pubbliku biex ipoġġi bilqiegħda u jsegwi l-ispettaklu. Dan se jkunu qed jittieħdu fuq bażi ta’ ‘first come first serve’.
Is-Sindku ta’ Ta’ Xbiex Max Zammit stqarr li dan il-Karnival sar sinonimu kemm mar-residenti ta’ Ta’ Xbiex, kif ukoll mar-residenti tal-lokal tal-madwar, li lil hinn mill-ispettaklu mill-isbaħ tal-Belt Valletta, jieħdu pjaċir igawdu minn attività ohra b’differenza fil-viċinanzi tagħhom u għaldaqstant żied jgħid li se jkompli jaħdem flimkien mal-Kunsill sabiex din it-tradizzjoni li bdiet reċentement titkompla u tissaħħaħ.
Il-Karnival fil-Marina se jkun qed jittella’ nhar il-Ħamis 20 ta’ Frar 2020 bejn is-6 u d-9 ta’ filgħaxija fil-parkeġġ tal-jott marina ta’ Ta’ Xbiex.