Il-ġimgħa d-dieħla l-Gvern se jressaq fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jżid ir-rappreżentanza femminili fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis f’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-jum internazzjonali tal-mara.
F’dan il-kuntest semma li l-Parlament qed jiddibatti abbozz ta’ liġi ieħor dwar l-Ugwaljanza: Il-Ministru Zammit Lewis sostna: “Kummissjoni ġdida dwar l-Ugwaljanza u d-drittijiet umani li taħdem u li tagħti rimedji lill-vittmi. It-tieni hemm il-gender balance mechanism li fil-Kamra tad-Deputati tagħna mill-elezzjoni ġenerali li jmiss jkun hemm 40% tal-kamra tad-deputati mara mhux biex ikollna numru ta’ nisa imma għax nemmnu li jkollna kamra tad-deputati aħjar.”
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li l-Ugwaljanza huwa prinċipju qawwi li l-Gvern jemmen fih. Qalet li minkejja li sar ħafna, fadal iktar xi jsir u elenkat ir-riformi tal-bilanċ bejn is-sessi kif ukoll dik tal-prostituzzjoni fejn għamlitha ċara li l-Gvern mhux se jillegalizza l-briedel.
L-Onor. Cutajar sostna: “Naspira li anka bħala mara għad jasal żmien li dan il-mekkaniżmu ma nibqgħux nużawh għax tant intellgħu nisa li dan il-mekkaniżmu ma jkollniex għalfejn niskattawh.”
Intant fl-okkazjoni ta’ Jum Internazzjonali tal-Mara, qed tittella’ esibizzjoni fi Pjazza TriToni li tirrkonoxxi l-ħidma ta’ 12-il mara f’diversi oqsma. Fosthom Helena Dalli, Agatha Barbara, Joanne Cassar, Sara Ezabe, Salvina Zrinzo, Jane Marshall, Dolores Cristina, Giannella de Marco, Claudette Abela Baldacchino, Nicole Sciberras, Victoria Buttigieg, Maria Micallef.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li dawn in-nisa huma ta’ ispirazzjoni għal ħafna. Qalet li fl-aħħar snin saru bosta kisbiet li mbuttaw lil mara, fosthom id-dħul taċ-childcare b’xejn. Innotat ukoll li llum il-ġudikatura tgħodd iktar nisa milli irġiel.
Dr Lydia Abela stqarret: “Jiena nawgura li jkollna aktar nisa bħal dawn in-nisa li pparteċipaw fis-soċjetà li jinvolvu ruħhom aktar fid-dinja tax-xogħol u anke fil-ħajja pubblika għaliex huwa importanti u m’hemmx dubju li s-soċjetà tiggwadanja iktar meta naraw parteċipazzjoni kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel.”
Dr Abela qalet li fadal iktar kisbiet xi jsiru fosthom dik li n-nisa u l-irġiel jitħallsu ndaqs għall-istess xogħol, li jiżdiedu d-deputati nisa fil-Parlament u li tiħrax il-ġlieda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
L-esebizzjoni tibqa’ ghaddejja sa nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu.