Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern li jgħin u jkattar aktar l-industrija tal-films lokali, il-Malta Film Commission din is-sena se toħroġ sejħa speċjali għall-proġetti taħt l-iskema tal-Malta Film Fund.
Is-sejħa għall-produzzjoni ta’ kontenut oriġinali Malti se tgħin biex pajjiżna jkompli jiżviluppa l-arti ċinematografika. Dan kollu huwa parti minn strateġija li se twassal biex Malta żżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ films Maltin u Għawdxin.
Dawn il-produzzjonjijet se jirrapreżentaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari hekk kif Malta s-sena d-dieħla se jkollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea filwaqt li fis-sena 2018 il-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropeja tal-Kultura.
Kumpaniji u produtturi lokali tal-films huma mistiedna jippreżentaw proġetti ta’ produzzjonijiet bħal films, animazzjoni, dokumentarji, u anke sensiliet televiżivi għas-suq internazzjonali.
Kull proġett li jkun propost ikun evalwat b’mod indipendenti minn panel ta’ esperti internazzjonali. Permezz tal-fond li jammonta għal €250,000, proġetti magħżulin jistgħu jingħataw sa massimu ta’ €120,000, b’massimu ta’ €20,000 għal-produzzjoni ta’ Short films u massimu ta’ €2,500 għal produzzjoni ta’ New Talent Short films.
Minbarra kontribuzzjoni fi flus, dawk il- proġetti magħżula se jingħataw ukoll programmi ta’ taħriġ u mentoring professjonali.
Din l-edizzjoni speċjali tal-Malta Film Fund se tiftaħ fl-1 ta’ Settembru u tagħlaq fil-31 ta’ Ottubru 2016. Gwida ddettaljata, il-kriterji u l-applikazzjoni għal Malta Film Fund 2016 – Production Support tinsab fis-sit tal-Malta Film Commission: http://www.maltafilmcommission.com/malta-film-fund/.
Kull applikazzjoni għandha tingħata personalment lil MFC, qabel nofsinhar (12:00pm) ta’ nhar it-Tnejn 31 ta’ Ottubru 2016.