Fi tmiem din il-ġimgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se titlaqa’ l-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista li ssir wara kull elezzjoni ġenerali. Matul din il-konferenza, skond l-istatut tal-Partit Laburista, għandha ssir il-konferma tat-tmexxija Laburista mid-delegati tal-istess partit. Il-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, qalet li l-konferenza ġenerali se tibda b’sessjoni plenarja, b’diversi diskorsi, nhar il-Ġimgħa.
Attard qalet, “Il-Konferma tal-Prim Ministru Robert Abela, tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne u tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef. Imma, aktar minn hekk, konferenza ġenerali hija okkażjoni sabiex ftit jiem ’il bogħod mir-rebħa elettorali li kiseb il-Partit Laburista, rebħa elettorali b’saħħitha, nerġgħu niltaqgħu mal-għeruq tagħna, jiġifieri mad-delegati tagħna. Hija wkoll okażjoni sabiex dak li sar tajjeb inkomplu ntejbuh, imma dak li jista’ jiġi mmiljorat, naħdmu flimkien sabiex ikun hemm titjib f’dak il-qasam.”
Il-konferma tat-tmexxija se ssir permezz ta’ votazzjoni sigrieta li se tibda eżattament wara t-tmiem tas-sessjoni plenarja, fl-istess Ċentru Nazzjonali Laburista. Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista, Dr Maria Sara Vella Gafà, qalet li f’din il-votazzjoni jistgħu jivvutaw id-delegati tal-Partit Laburista.
Vella Gafà stqarret, “L-elezzjoni tal-konferma kemm tal-Mexxej u tad-Deputati Mexxejja se titlaq nhar il-Ġimgħa, li se ssir wara l-plenarja u ddum sad-9:30pm u tkompli s-Sibt filgħodu. Ġewwa Malta se tkun bejn id-9:00am u l-17:00pm u ġewwa Għawdex mill-10:30am sas-14:00pm. Fil-votazzjoni se jkun jista’ jivvota kull delegat u kif ukoll aħna se nkunu qed naraw inti tingħata l-voting document u l-votazzjoni se tkun permezz ta’ tliet voti magħqudin f’daqqa b’kulur differenti, biex dak li jkun ikun jaf għaliex se jivvota.”
Gafà qalet li, għall-konferma tal-Mexxej u taż-żewġ Deputati Mexxejja, id-delegati għandhom jagħżlu biss IVA jew LE fuq it-tliet poloz tal-vot.
Hija żiedet tgħid, “Il-ballot papers se jkunu kollha differenti – ħa nagħtu tlieta f’daqqa b’kulur differenti u kemm tikonferma IVA jew LE.”
Il-Konferenza Ġenerali se tagalaq bl-attività tal-ewwel ta’ Mejju fi Pjazza Kastilja.
Attard qalet, “Kollox jilħaq il-qofol tiegħu bl-attività tal-Ewwel ta’ Mejju fi Pjazza Kastilja. nibdew fit-3 ta’ waranofsinhar, jindirizzaha l-Prim Ministru Robert Abela. Hemm entużjażmu għal din l-attività għax din hi l-ewwel darba fi tliet snin li se ssir din l-attività hekk kif iċ-ċirkustanzjoni issa jippermettu.”