The Junior Choir and Orchestra, fi ħdan l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa, se tkun qiegħda ttella’ kunċert annwali bl-isem ta’ Annual Live Concert 2019 nhar il-Ħamis l-1 t’Awwissu fi Triq il-Parroċċa l-Mellieħa u li jibda fis-7.30 p.m., eżattament quddiem il-bini tal-istess Għaqda. Dan il-kunċert, li se jkun magħmul minn grupp ta’ mużiċisti tfal u żgħażagħ Melleħin, kif ukoll studenti ta’ din l-istess Għaqda, se jkun qiegħed ifakkar l-10 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-bini ta’ dan l-istess bini. Din is-serata se tkun magħmula minn għażla vasta ta’ mużika li tolqot il-gosti ta’ kulħadd, fosthom mużika klassika, kontemporanja, mużika minn films u ħafna aktar.
The Junior Choir and Orchestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Wayne Bartolo, filwaqt li l-kor ġie ppreparat minn Kristina Marie Vella.
Lejn l-aħħar ta’ dan il-kunċert, b’sodisfazzjon kbir, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina se tkun qiegħda żżanżan frontispizju ġdid maħdum mis-Sur Edward Debono, membru ta’ din l-Għaqda. Kulħadd huwa mistieden għal dan il-kunċert mużikali flimkien mal-kxif tal-frontispizju li żgur se jkompli jsebbaħ il-faċċata tad-Dar tal-Għaqda fi Triq il-Parroċċa l-Mellieħa.
L-appuntament annwali ta’ din l-Għaqda jkun xahar biss ‘il bogħod, propju l-Ħadd l-1 ta’ Settembru. L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina ttella’ l-kunċert annwali tagħha fil-Pjazza tal-Parroċċa bis-sehem tal-kor u l-orkestra prinċipali tagħha fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa, kunċert li kiseb popolarità kbira u li jkun mistenni minn ħafna.
Dettalji fuq dan il-kunċert jingħataw aktar ‘il quddiem.