Il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera ffirmaw ftehim li bih il-Kunsill Lokali ffinanzja x-xiri ta’ roti elettriċi sabiex jintużaw mill-Pulizija għall-Komunità f’Santa Venera.
Il-ftehim ġie ffirmat fl-uffiċċju tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Santa Venera, li fl-aħħar xhur saret manutenzjoni estensiva fih u issa reġa’ nfetaħ b’dehra ġdida.
Dan l-uffiċċju se jkun qiegħed iservi bħala ċentru għall-komunitajiet ta’ Santa Venera u tal-Ħamrun.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafàm qal li permezz ta’ dan il-ftehim, waqt li l-Pulizija se tibqa’ tipprovdi servizz professjonali u fdat biex tassigura s-sigurtà fi sħubija mal-komunità, il-kunsilli lokali qegħdin jifhmu li huma wkoll għandhom rwol importanti biex jidentifikaw x’inhuma l-problemi reali fil-lokal. Il-Kummissarju qal li, b’konsultazzjoni bejn il-Pulizija u l-kunsilli lokali, dawn il-problemi jistgħu jingħelbu.
Huwa qal li, din is-sena, is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità se jiġi estiż għal aktar lokalitajiet u, sal-aħħar tas-sena 2023, se jkun ikopri l-lokalitajiet kollha tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Santa Venera, Stephen Sultana, faħħar ix-xogħol li qiegħed iwettaq it-tim tal-Pulizija għall-Komunità f’Santa Venera u qal li l-preżenza tagħhom qiegħda tinħass.