Malta se tkun rappreżentata mill-ġdid fil-konkors tas-sbuħija Mrs European Nations Globe fl-edizzjoni li jmiss, li se ssir fil-Greċja din il-ġimgħa. Dan iservi bħala preliminari għall-Mrs Globe World Final, li ilu jiġi organizzat għal dawn l-aħħar 27 sena.
F’Ġunju li għadda, Malta rnexxielha tikseb l-ewwel titlu f’din il-kompetizzjoni globali permezz ta’ Hannelie Van Wyk, li rebħet l-unur ta’ Mrs Classique Globe 2024 f’California, l-Istati Uniti tal-Amerka.
Issa jmiss is-sbuħija ta’ Maltija oħra, Lana Bowden ta’ 36 sena u omm ta’ tlett itfal, li ġiet fdata b’dan ir-rwol nazzjonali f’Ateni bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħadd li ġejjin.
Bowden għandha esperjenza vasta fl-immudellar professjonali, fejn kienet anke l-wiċċ għal għadd ta’ kumpaniji, inkluż rinomati, fil-promozzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħhom.
Bi tħejjija għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kompetizzjoni fil-Greċja, Bowden qed tirċievi l-gwida minn Van Wyk stess kif ukoll minn Ekaterina Camilleri, Direttriċi ta’ Mrs Malta Globe, li wkoll għandha aktar minn 20 sena ta’ esperjenza.